top of page

Festival li se jivvjaġġa fil-baħar Mediterran permezz ta’ dgħajsa-mużew ser ikun f’Malta bejn il-21 u l-31 ta’ Marzu li ġej



 

Il-Fondazzjoni Art Explora, b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv, qed torganizza festival f’Malta permezz ta’ dgħajsa-mużew. Dan il-festival li se jittella’ bejn il-21 u l-31 ta’ Marzu 2024 fix-Xatt Pinto, il-Valletta Waterfront, se joffri 10 ijiem ta’ programmi artistiċi u kulturali mingħajr ħlas abbord il-bastiment u fuq il-moll.

 

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici flimkien maċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kreattività, u l-President tal-Fondazzjoni Art Explora, li spjegaw li dan l-avveniment jissimbolizza l-bidu ta’ vjaġġ bil-baħar straordinarju madwar il-Mediterran, li fih Malta ser tkun l-ewwel minn sensiela ta’ waqfiet. 

 

Il-Ministru Bonnici spjega li din hija l-ewwel dgħajsa-mużew fid-dinja u se ssalpa madwar il-Mediterran biex twassal esperjenzi artistiċi u kulturali innovattivi lill-viżitaturi mingħajr ħlas. “Il-Fondazzjoni Art Explora hi organizzazzjoni non-profit imwaqqfa mill-patrun tal-arti u l-kultura Frédéric Jousset u tippromwovi aċċess aktar mifrux u inklużiv għall-arti,” tenna l-Ministru Bonnici.

 

Dan il-festival jipprovdi lill-artisti, kuraturi, istituzzjonijiet, organizzazzjonijiet non-profit u NGOs l-opportunità li jilħqu l-udjenzi tagħhom f’festival li l-kontenut tiegħu huwa msejjes fuq il-wirt ta’ kull pajjiż li jżur il-bastiment.  Bejn ir-rebbiegħa tal-2024 u l-ħarifa tal-2026, id-dgħajsa-mużew se tivvjaġġa lejn 15-il pajjiż madwar il-Mediterran.

 

Il-President tal-Fondazzjoni Art Explora Frédéric Jousset qal “Il-mobbiltà u l-kreazzjoni artistika huma għodda qawwija biex nibdlu l-perspettiva tagħna u naqsmu immaġini u narrattivi ma’ xulxin. Li tirkeb fuq dgħajsa minnha nnifisha hija esperjenza, u ser tkun saħansitra aktar unika bl-iskoperta ta’ programmi artistiċi u kulturali uniċi kemm abbord kif ukoll fuq l-art”.

 

Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Kreattività, Rupert Cefai, qal, “Billi nistiednu lill-parteċipanti jikkontribwixxu b’mod attiv għad-djalogu artistiku, il-proġett jagħti s-setgħa lill-komunitajiet li jesprimu l-perspettivi uniċi tagħhom. Hekk kif id-dgħajsa-mużew tivvjaġġa minn port għal ieħor, u jibdew jiżvolġu l-avvenimenti tal-festival, jibda jinseġ flimkien b’reqqa tessut varjat ta’ esperjenzi umani, li juru d-diversità tal-espressjoni artistika filwaqt li jsaħħu l-idea li permezz tal-arti nistgħu nsibu kunsens li jisboq id-differenzi.”

 

Daniel Azzopardi, id-Direttur Artistiku ta’ Spazju Kreattiv, tenna li l-waqfa inawgurali ta’ dan il-festival f’Malta għandha l-għan li tippromwovi l-arti u l-kultura f’komunitajiet differenti. “Billi tuża l-port tal-Mediterran bħala pjattaforma għal skambju kulturali, din l-inizjattiva tippermetti lill-udjenzi jħaddnu l-wirt tar-reġjun tagħhom filwaqt li jitpaxxew bir-rikkezza tal-arti kontemporanja.”

 

Iddisinjat mill-periti Axel de Beaufort u Guillaume Verdier, u mibni fit-tarzna Perini Navi fl-Italja, id-dgħajsa-mużew huwa twil 46.5 metru u għoli 55 metru. Jista’ jilqa’ sa 2,000 ruħ abbord kuljum u ser jospita l-wirja immersiva ‘Present’ bil-kollaborazzjoni tal-Mużew tal-Louvre, li titfa’ dawl fuq figuri femminili fiċ-ċivilizzazzjonijiet tal-Mediterran. Bħala parti mill-wirja se jintwera film fuq il-gverta ta’ wara tad-dgħajsa u esperjenza immersiva fil-gallerija ewlenija. Fuq in-naħa ta’ fuq tad-dgħajsa, il-viżitaturi ser imorru fuq vjaġġ li jinvolvi taħlita ta’ ħsejjes tal-Mediterran iddisinjat mill-x Ircam taċ-Ċentru Pompidou.

 

Il-mużew ta’ fuq id-dgħajsa ser ikun akkumpanjat minn villaġġ artistiku li ser jittella’ f’żona qrib il-moll, li fih ser jiġi ppreżentat programm ta’ avvenimenti kulturali, li fil-każ ta’ Malta qed jiġi mfassal minn Spazju Kreattiv u kkurat minn Daniel Azzopardi. Il-programm huwa ffukat fuq ix-xena tal-arti lokali u internazzjonali, u jinkludi aktar minn 30 inizjattiva u 55 attività li jindirizzaw diversi suġġetti rilevanti għar-reġjun tal-Mediterran.

 

Bħala parti minn dan il-festival, bejn it-22 u l-24 ta’ Marzu, ser jittella’ programm bl-isem ‘Ocean Weekends’ fejn l-udjenza huma mistiedna għal sensiela ta’ diskussjonijiet, wiri ta’ films, u taħditiet li ser ilaqqgħu flimkien kelliema ewlenin mid-dinja tal-arti u x-xjenza madwar il-kwistjoni tal-emerġenza klimatika tal-oċeani. L-Ocean Weekend se jkun kkurat b’mod konġunt mal-Biennale ta’ Malta.

 

Waqt dan il-festival ukoll, artisti, xjentisti u riċerkaturi se jkunu mistiedna jieħdu sehem f’residenzi ta’ xahar abbord il-bastiment f’belt Mediterranja oħra. 

 

Il-pubbliku huwa mistieden jattendi dan il-festival li se joffri firxa wiesa’ ta’ avvenimenti għall-familja kollha. Għal aktar informazzjoni żur www.kreattivita.org.

 


 

 

 

bottom of page