top of page

Esperjenza immersiva tkompli ssebbaħ iż-żjara tal-viżitatur f’Underground Valletta




Esperjenza awdjoviżiva immersiva se tkompli ssebbaħ iż-żjara tal-viżitatur f’Underground Valletta fil-jiem li ġejjin. Din l-esperjenza hija l-frott ta’ proġett iffinanzjat mill-Fond għad-Diplomazija Kulturali fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ, u minn Heritage Malta.

Il-proġett jiffoka fuq tliet aspetti li spikkaw fil-ħajja tal-Maltin, u ta’ popli oħra fil-pajjiżi alleati, matul it-Tieni Gwerra Dinjija, jiġifieri l-kenn, il-ġuħ u r-reżistenza. L-għan tal-proġett hu li jgħaqqad lin-nies minn pajjiżi differenti permezz ta’ dawn l-esperjenzi komuni.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, flimkien mal-Kummissarju Għoli Brittaniku għar-Repubblika ta’ Malta Katherine Ward, u l-Ambaxxatur tar-Repubblika Franċiża għar-Repubblika ta' Malta Agnès von der Mühll żaru l-Underground Valletta.

Waqt din iż-żjara, il-Ministru Owen Bonnici spjega kif din l-esperjenza tixhed id-determinazzjoni kontinwa biex nibqgħu nippreservaw il-wirt nazzjonali. “Din l-esperjenza hija waħda immersiva u hija xhieda ċara li wieħed se jkun jista’ jesplora u jiskopri kif ukoll jitgħallem. Postijiet bħal dawn huma qasam ta’ tagħlim importanti ħafna għall-pajjiż,” temm jgħid Dr Bonnici


Il-Ministru Ian Borg saħaq dwar l-impenn tal-Ministeru li jkompli jassisti fil-promozzjoni tal-kultura u l-istorja ta’ pajjiżna barra minn xtutna b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet kulturali Maltin bħalma hi Heritage Malta. “Proġetti bħal dawn ikomplu jqajmu kuxjenza kemm fuq skala lokali, fejn il-ġenerazzjoni tal-lum tista’ tapprezza l-istorja ta’ pajjiżna kif ukoll dak li għaddew minnu l-ġenerazzjoni ta’ qabilna, però aktar minn hekk huma pjattaforma b’saħħitha ħafna li permezz tagħhom inkomplu nippromwovu l-isem ta’ pajjiżna u l-istorja rikka tiegħu,” tenna Dr Borg.


Huwa kompla li bħala Ministeru assistew f’bosta proġetti ta’ natura kulturali u artistika, bl-aktar wieħed riċenti, il-monument Enlightened Universe. “Dan tal-lum jirrifletti wkoll iż-żminijiet li qed ngħixu fihom preżentement u għalhekk l-importanza tal-ġlieda favur aktar paċi u għaqda. Aktar minn hekk l-importanza tan-newtralità li pajjiżna iħaddan, għodda importanti ħafna li permezz tagħha Malta se tkompli tkun ta’ spalla għall-għajnuna umanitarja u se tkompli taħdem favur il-paċi fil-Mediterran u fir-reġjuni qrib tagħna,” temm jgħid il-Ministru Borg.


L-esperjenza immersiva se tkun inkluża fil-biljett tad-dħul għall-Underground Valletta sal-aħħar ta’ Novembru. Matul dan il-perjodu, Underground Valletta se jiftaħ kuljum, mit-Tnejn sal-Ħadd. Il-biljetti jinxtraw mill-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija jew online minn: https://heritagemalta.mt/store/






Comments


bottom of page