top of page

Esebizzjoni artistika tal-MCAST li tqarreb lill-istudent lejn l-industrija u l-komunità kreattiva



Kitba meħuda mill-Orizzont (It-Tlieta 21 ta’ Ġunju 2022) paġna numru 12.


Tnediet is-sitt edizzjoni tal-festival MCAST ICA li se ssir mis-7 ta’ Lulju sal-31 ta’ Lulju fi Spazju Kreattiv. Il-festival jiċċelebra t-talent u l-ħidma tal-istudenti tal-Istitut għall-Arti Kreattiva (ICA). It-tnedija saret mal-iffirmar ta’ ftehim bejn l-MCAST u Spazju Kreattiv għal kollaborazzjoni kontinwa biex jiġi żgurat li l-istudenti jkollhom l-opportunità li jesebixxu x-xogħol tagħhom.


L-iffirmar sar fil-preżenza tal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici.


Il-festival, appoġġjat minn Spazju Kreattiv u l-Kunsill Malti għall-Arti, jinkludi esebizzjoni ta’ xogħol mill-istudenti tal-Baċellerat tal-Arti tal-aħħar sena u xogħol minn studenti tad-diplomi avvanzati. F’dan il-festival l-istudenti juru l-mod kif jaħdmu b’mod kollaborattiv bejn id-dixxiplini artistiċi biex jiżviluppaw il-ħiliet u l-għarfien meħtieġa fis-settur.


Il-Ministru Clifton Grima qal li, “Dan huwa festival li filwaqt li qed jagħti spazju lill-istudent biex jesebixxi x-xogħol tiegħu, qed iqarreb lill-istudent lejn l-industrija kreattiva u l-komunità lokali tal-arti u d-disinn, għaliex din il-wirja hija pass importanti biex l-industrija fl-arti kreattiva tara l-kapaċitajiet tal-istudenti tal-MCAST”.


Il-Ministru Owen Bonnici stqarr li dan il-festival artistiku se jkun qed jaħdem favur l-għaqda bejn l-Istitut tal-Arti Kreattiva fl-xMCAST u l-bqija tal-komunità. Huwa rrimarka li dan “se jirriżulta fi ftehim aħjar dwar dak li aħna u dwar dak li nagħmlu. Dan l-avveniment se jiċċelebra l-kreattività u se jservi bħala pjattaforma biex juri x-xogħol impenjattiv tal-istudenti.”


“Embrace liminality” hija t-tema magħżula mill-istudenti għall-festival ta’ din is-sena. B’din it-tema, l-istudenti jridu juru li ħadd ma għandu jibża minn dak li mhux magħruf imma li wieħed għandu jkompli jimbotta għall-innovazzjoni u l-espressjoni fid-dixxiplina magħżula minnu.


Il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, il-Professur James Joachim Calleja, qal li fiċ-ċentru ta’ kull edizzjoni tal-festival hemm l-ispirtu kreattiv tal-istudenti tal-aħħar sena li jieħdu sehem f’din il-wirja u juru t-talent tagħhom. Huwa stqarr li “L-MCAST sar sinonimu ma’ opportunità u prosperità. Issa qed nistennew bil-ħerqa li nilqgħu applikazzjonijiet minn studenti ġodda li jixtiequ jingħaqdu mal-komunità kreattiva tal-kulleġġ.”


Waqt l-intervent tiegħu ċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kreattività Rupert Cefai spjega li l-fondazzjoni sservi ta’ pont bejn il-qasam edukattiv u s-settur kreattiv professjonali. Huwa tenna li “t-tranżizzjoni minn student/a għal artist/a professjonali qatt mhi faċli imma b’numru ta’ inizjattivi u proġetti, l-fondazzjoni tkompli fuq il-passi ta’ istituzzjoni bħalma hija l-MCAST u nersqu lejn l-istudenti u nassistu f’dak kollu li huwa possibbli. Dawn il-kollaborazzjonijiet jgħinu biex l-artisti emerġenti tagħna jsibu opportunitajiet ta’ proġetti varji li jipprovdu esperjenza siewja għad-dinja tax-xogħol fil-qasam kreattiv u artistiku.”


L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-MCAST ICA Festival tfakkar ukoll il-kontribut ta’ Donald Friggieri fl-edukazzjoni tal-arti kreattiva. IsSur Friggieri, li sfortunatament miet din is-sena, kien pijunier fl-apprezzament u l-istudju tad-disinn f’Malta u edukatur għal aktar minn 30 sena.

bottom of page