• Team Owen Bonnici

Dr Victoria Buttigieg uffiċjalment maħtura bħala l-ewwel Avukat tal-Istat



Dr Victoria Buttigieg ġiet maħtura bħala l-ewwel Avukat tal-Istat b’mod uffiċjali.

Dr Buttigieg ġiet rakkomandata b’mod unanimu minn Kummissjoni ta’ Ħatra wara sejħa pubblika.


Waqt iċ-ċerimonja, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici feraħ lil Dr Buttigieg tal-ħatra tagħha f’din il-pożizzjoni, li hu pass ieħor importanti fl-istorja legali u li hu l-ewwel tax-xorta tiegħu u saħaq fuq l-impenn tal-Gvern fejn tidħol l-implimentazzjoni ta’ riformi dwar it-tisħiħ tas-Saltna tad-Dritt.


Dan ir-rwol Kostituzzjonali ġdid ġie maħluq bis-saħħa tal-Att XXV tal-2019. Permezz ta’ din il-liġi, li ġiet approvata f’Lulju li għadda, tipprovdi għal separazzjoni sħiħa bejn il-funzjonijiet duppliċi li għandu llum l-Avukat Ġenerali. 


Is-separazzjoni se tidħol in effett minn għada 18 ta’ Diċembru 2019.


Waqt li l-Avukat Ġenerali bis-saħħa ta’ din ir-riforma se jibqa’ jżomm ir-responsabbiltajiet ta’ prosekuzzjoni u materji kriminali li tipprovdi għalihom il-Kostituzzjoni u liġijiet oħrajn fil-kamp kriminali, l-Avukat tal-Istat se tibda tkun responsabbli għall-funzjonijiet kollha ta’ pariri lill-gvern u rappreżentanza legali fl-oqsma tal-liġi kostituzzjonali, ċivili u amministrattiva li sal-lum huma eżerċitati mill-Avukat Ġenerali.


Il-Kummissjoni ta’ Venezja, fl-opinjoni tagħha dwar Malta tas-17 ta’ Diċembru 2018, kienet ipproponiet is-separazzjoni tal-funzjonijiet duppliċi tal-Avukat Ġenerali.


L-Avukat tal-Istat se tgawdi l-istess livell ta’ protezzjoni u sigurtà fil-kariga (security of tenure) li jgawdu l-Membri tal-Ġudikatura u l-Avukat Ġenerali. L-Avukat tal-Istat se tkun il-konsulent ewlieni tal-gvern f’materja ta’ liġi u opinjoni legali u se tkun marbuta li taġixxi fl-interess pubbliku u fis-salvagwardja tal-legalità tal-azzjonijiet tal-Istat. L-Avukat tal-Istat se taqdi l-funzjonijiet tagħha permezz ta’ aġenzija indipendenti mwaqqfa bl-Att dwar l-Avukat tal-Istat.





  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436
Owen Bonnici Logo