top of page

Binja f’Ħal Għaxaq devoluta lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq

  • 7 days ago
  • 2 min read

 

Binja li bħalissa tinsab taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità tal-Artijiet ġiet trasferita lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq, b’koperazzjoni sħiħa tal- Awtorità tad-Djar b’titolu ta’ kera għal perjodu ta’ ħames snin. L-għan hu li din il-binja tiġi żviluppata sabiex isservi bħala s-sala l-ġdida tal-Kunsill.

 

F’din is-sala mistennija jibdew jingħataw diversi korsijiet u servizzi għall-komunità, inkluż il-faċilità biex il-pubbliku jħallas il-kontijiet mingħajr ma jkollu jmur saż-Żejtun, kif ukoll spazju ddedikat għall-anzjani, fost inizjattivi oħra. Dan il-post jinsab fi numru 1, Vjal il Labour, Ħal Ghaxaq, u huwa fuq medda ta’ ftit aktar minn 75 metru kwadru.

 

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal li dan il-proġett huwa konferma oħra tal-fiduċja li l-Gvern għandu fil-Kunsilli Lokali. Spjega li dan it-trasferiment qed isir permezz ta’ ħidma konġunta bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Awtorità tad-Djar, sabiex tingħata binja lill-Kunsill Lokali għall-benefiċċju tar-residenti.

 

Permezz ta’ dan it-trasferiment, il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq eventwalment se jkollu spazju akbar, aħjar u aktar aċċessibbli minn fejn jaħdem b’risq il-familji u r-residenti Għaxqin. “Il-Gvern jibqa’ impenjat li jsaħħaħ u jappoġġja lill-kunsilli lokali sabiex iwettqu ħidmiethom favur il-familji u r-residenti. L-allokazzjoni ta’ dan l-ispazju ġdid bħala uffiċċji tal-kunsill hija prova ċara ta’ dan l-impenn, li jtejjeb is-servizzi, isaħħaħ il-preżenza fil-komunità u joffri ambjent aktar adegwat u aċċessibbli għal kulħadd, filwaqt li jkompli jibni komunitajiet aktar b’saħħithom u inklussivi għall-ġid ta’ kulħadd,” qal Dr Bonnici.

 

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni, Andy Ellul, spjega kif b’din id-deċiżjoni se jgawdu r-residenti Għaxqin. Dan għaliex issa se jkun hemm ċentru fejn se jingħataw faċilitajiet u servizzi li qabel ir-residenti kellhom joħorġu mir-raħal sabiex jagħmlu użu minnhom.

 

Dr Ellul spjega kif din hija indikazzjoni ċara ta’ kemm il-Gvern huwa impenjat li jgħin u jinvesti fil-komunitajiet. “B’din id-deċiżjoni, il-kunsill lokali se jkun f’pożizzjoni aħjar sabiex ikompli jwettaq il-ħidma favur il-familji u r-residenti, hekk kif dan se jtejjeb is-servizzi u joħloq iktar preżenza fil-komunità.”

 

Is-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq, Karl Boxall, laqa’ b’sodisfazzjon din l-aħbar u enfasizza kemm dan il-proġett se jkun ta’ ġid kbir għall-komunità. Huwa spjega li dan il-post se joffri spazju ieħor fejn ir-residenti jistgħu jiltaqgħu, jattendu l-attivitajiet u jgawdu aktar kumdità, b’benefiċċju dirett għall-Għaxqin kollha.

 

It-trasferiment ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella, il-Housing Authority Chief Officer, Romina Fenech, Karl Boxall bħala s-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq, u s-Segretarju Eżekuttiv Fiona Cutajar.

 
 
 

Comments


bottom of page