Open Site Navigation

Biex iktar bniet u nisa jkunu protagonisti fid-dinja tax-Xjenza

Updated: Feb 14



“Irridu nifhmu li huwa kruċjali għal pajjiżna li nwarrbu l-isterjotipi li jżommu lin-nisa lura mill-aspirazzjonijiet tagħhom. Irridu naraw li aktar bniet u nisa jersqu ‘l quddiem biex jipparteċipaw u jibbenefikaw minn futur ekonomiku b’saħħtu bbażat fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni.”

Il-11 ta’ Frar taħbat il-ġurnata ddedikata lin-nisa u l-bniet involuti fix-xjenzi , wara riżoluzzjoni mressqa minn Malta u adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-2015.

Għal xi raġuni minn dejjem teżisti l-idea li x-Xjenzi huma suġġetti iktar adattati għall-irġiel u għas-subien. Maż-żmien qegħdin dejjem iktar nintebħu li din l-idea ma kienet xejn għajr frott il-fehmiet patriarkali u antikwati li kellna fl-imgħoddi.


Kemm ilu mwaqqaf il-Ministeru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni sar ħafna xogħol importanti mmirat biex iressaq aktar nies lejn ix-xjenzi u jagħmel is-suġġetti STEM, jiġifieri dawk marbuta max-Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika aktar aċċessibbli u relevanti fil-komunitajiet tagħna.


Il-Ministru Owen Bonnici mill-bidu nett li ħa f’idejh dan il-Ministeru kien determinat li x-Xjenzi ma jibqgħux maqfula fil-laboratorji tal-Universita’ f’idejn l-akkademiċi biss, iżda jaslu wkoll għand in-nies f’kull rokna tal-gżira. Ried allura li x-xjenzi jersqu iktar lejn il-komunitajiet tagħna b’mod li kulħadd ikun jista’ jifhem ir-relevanza tagħhom u l-effett pożittiv li dawn jistgħu jħallu fuq il-ħajja tagħna.


Tkellimna dwar dan kollu mal-Ministru Bonnici, li sostna magħna li r-riċerka u l-innovazzjoni llum il-ġurnata huma rikonoxxuti bħala pilastri ewlenin għall-futur ekonomiku ta’ pajjiżna, għalhekk huwa kruċjali li dawn ikunu aċċessibbli għal kulħadd f’pajjiżna u mhux biss għal nofs il-popolazzjoni.


“Meta nitkellmu fuq l-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni u allura fuq is-suġġetti STEM,” qalilna l-Ministru Bonnici, “irridu naraw li nieħdu approċċ li jindirizza l-ħtieġa ta’ ekwita, diversita u inklużjoni. Dan huwa partikolarment importanti jekk f’pajjiżna rridu rridu li jinkiseb żvilupp soċjoekonomiku sostenibbli li ma jħalli lil ħadd lura.”

Hawnhekk saqsejna lill-Ministru dwar ir-relevanza ta’ dan il-jum partikolari ddedikat għan-nisa u l-bniet involuti fix-xjenzi. Il-Ministru qalilna mill-ewwel li għalkemm f’pajjiżna saru ħafna passi pożittivi kemm fil-qasam tar-riċerka kif ukoll fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, xorta għadna naraw madwar id-dinja kollha li n-nisa għadhom sottorappreżentati ħafna fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, u l-Matematika u Malta mhix eċċezzjoni.


“Għalhekk importanti li f’dan il-jum nenfasizzaw dawn it-tliet elementi anke’ f’dawn l-oqsma; l-ekwita’ tirreferi għall-ġustizzja fil-mod kif jiġu trattati l-persuni sabiex kulħadd ikollu l-opportunita’ li jgħix ħajja b’saħħitha u produttiva,” qalilna l-Ministru.

“F’dan il-każ imbagħad, id-diverista’ qed tirreferi għall-bżonn li jiġi rikonoxxut kif l-iżvilupp li jsir fil-pajjiż se jaffettwa nies ta’ sess differenti u li ġejjin minn sfondi soċjokulturali, etniċi jew reliġjużi differenti. Id-diversita’ għandha tiġi rikonoxxuta u anke indirizzata f’dawn l-oqsma wkoll,” kompla l-Ministru.


“L-aħħar element kruċjali huwa l-inklużjoni li jirreferi għall-fatt ċar li kulħadd għandu jkollu d-dritt li jipparteċipa f’dan l-oqsma tant importanti għall-futur, irrispettivament mis-sess ta’dak li jkun jew mill-isfond soċjali li jkun ġej minnu. Dawn it-tliet elementi jiżguraw li gruppi differenti tas-soċjeta’ jkollhom il-mezzi u l-għodod li jagħtuhom opportunitajiet ugwali fil-ħajja, li jippermettulhom u jagħtuhom is-setgħa jipparteċipaw fuq bażi ugwali f'interventi ta' żvilupp li jikkonċernawhom,” spjegalna l-Ministru.

It-tifsira ta’ dan il-jum


Saqsejna lill-Ministru Bonnici x’inhu l-għan ta’ din l-okkażjoni. Il-Ministru spjegalna li din l-okkażjoni sservi l-ewwel nett biex jiġi rikonoxxut madwar id-dinja l-kontribut siewi li taw ħafna nisa u bniet matul l-istorja tad-dinja lejn ix-xjenzi, u dan għandu wkoll ikompli jqajjem kuxjenza dwar il-valur u l-importanza tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri.


“Kien hemm żmien,” stqarr il-Ministru Owen Bonnici, “meta nisa li jinvolvu rwieħhom fix-xjenzi kienu meqjusa bħala xi ħaġa stramba u li tqanqal element ta’ rizerva. Fl-antik in-nisa ma setgħux ikomplu jistudjaw u l-mentalita’ kienet li dawn kellhom ir-rwol tagħhom fiss ġewwa d-djar tagħhom, irabbu t-tfal u jieħdu ħsieb il-familja. Iżda kienu ħafna n-nisa li sfidaw dil-mentalita’ u marru kontra l-kurrent, uħud minnhom jagħmlu anke’ kisbiet kruċjali fl-oqsma tal-mediċina, ix-xjenza, il-matematika u l-inġinerija.”


“Fil-bidu tas-seklu għoxrin, in-nisa li provaw ifittxu karriera fix-xjenzi kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ ħafna inkonvenjenzi, restrizzjonijiet u anke’ umiljazzjoni. Ħafna xogħol u kisbiet xjentifiċi li wettqu nisa ta’ dak iż-żmien, kien jiġi moħbi jew irrifjutat. Lejn it-tieni nofs tas-seklu għoxrin imbagħad, is-sitwazzjoni bdiet bil-mod il-mod tinbidel u rajna numru ta’ nisa jikkontribwixxu bil-kbir fil-matematika, il-bijoloġija, mediċina, astrofiżika u ħafna oqsma xjentifiċi oħra,” kompla l-Ministru Bonnici, “u sinċerament naħseb li ħafna minn dawn in-nisa għadhom sal-llum ma ħadux ir-rikonoxximent li ħaqqhom.”



Il-Futur tan-nisa u l-bniet fix-Xjenza


Il-Ministru Bonnici saħaq li sabiex ikollna l-bidla fil-mentalita’ li jixraq u nqarrbu iktar nisa u bniet lejn ix-xjenzi, huwa kruċjali li miċ-ċokon nuruhom eżempji ta’ persuni li rnexxew u li jistgħu jidentifikaw magħhom, waqt li nkomplu nippromwovu aċċess sħiħ u ugwali għan-nisa u l-bniet biex jipparteċipaw fix-xjenza.


“Din il-ġurnata,” spjegalna l-Ministru Bonnici, “għandha tkun okkażjoni biex nifhmu li huwa kruċjali għal pajjiżna li nwarrbu l-isterjotipi li jżommu lin-nisa lura mill-aspirazzjonijiet tagħhom. Irridu naraw li aktar bniet u nisa jersqu ‘l quddiem biex jipparteċipaw u jibbenefikaw minn futur ekonomiku b’saħħtu bbażat fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni.”

Il-Ministru għamilha ċara li għandna bżonn ta’ iktar mentors nisa fl-oqsma STEM, u dan fuq kull livell tas-soċjeta’, mill-iskejjel sal-postijiet tax-xogħol, sal-komunitajiet tagħna. B’dan il-mod nistgħu ninkoraġġixxu dejjem iktar nisa jidħlu għal karriera fix-xjenzi.


“Dan huwa wkoll wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Ministeru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, li nippromwovu r-riċerka u l-innovazzjoni fost l-istrati kollha tas-soċjetà u nwessgħu l-għarfien u l-parteċipazzjoni ta’ nies ta’ etajiet u minn sfondi soċjali differenti. Il-mira tagħna hija li niftħu s-suġġetti STEM, ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika iktar għall-bniet u n-nisa u nagħtuhom opportunità ugwali biex isegwu karriera tal-għażla tagħhom u ma jħallu xejn iżommhom lura.”


Il-Ministru Bonnici kompla jgħid, “tul is-snin, in-nisa wrew li huma kapaċi daqs l-irġiel biex ikunu xjenzati u riċerkaturi kbar. Biżżejjed insemmu nisa bħall-famuża Marie Curie li kisbet il-premju Nobel għall-iskoperta tar-radium u l-polonium lura fl-1911, Franciose Barre’-Sinoussi li skopriet l-HIV, Catherine Johnson il-Matematika Amerikana magħrufa bħala l-kompjuter uman tan-NASA jew Jennifer Doudna, waħda mix-xjentisti ewlenin fid-dinja li għandna llum, li vvintat teknoloġija li tista’ tagħmel tibdil fil-ġenomi.”


“Importanti ngħid ukoll,” qal il-Ministru Owen Bonnici, “li anke’ f’Malta għandna xjentisti nisa ta’ kapaċita’ kbira li qed jaħdmu fil-qasam tat-teknoloġija, tal-kura tal-kanċer u mard ieħor, fl-inġinerija u ħafna oqsma importanti oħra.”


“Għalhekk il-Gvern se jibqa’ mpenjat li jkompli jħeġġeġ aktar nisa u bniet għall-karrieri fix-xjenzi li jippermettulhom joffru soluzzjonijiet ġodda li jkomplu jtejbu l-kwalita’ tal-ħajja għal kulħadd u jtuhom sodisfazzjon bla tarf,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.





4 views

Recent Posts

See All

+150%