Open Site Navigation

Mija

Owen Bonnici ( Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali )



L -ewwel 100 jum ta’ Gvern ġdid immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela jimmarkaw sens ta’ kontinwità u tiġdid. Jimmarkaw ukoll il-fatt importanti ħafna li l-Prim Ministru żamm kelmtu u wettaq dak li wiegħed li se jagħmel fl-ewwel 100 jum.

Sew jekk hija r-riforma fil-liġi tal-IVF u kif ukoll il-kwistjoni tal-art taż-Żonqor li kienet ingħatat lill-AUM, Robert Abela żamm il-kelma li ta lill-poplu Malti u Għawdxi u wettaq dak li wiegħed. Bis-saħħa ta’ dawn ir-riformi iktar ġenituri jistgħu jkollhom lil uliedhom, iktar familji jistgħu jgawdu spazji miftuħa u fl-istess waqt se jitkattru l-opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalità u tissaħħaħ l-ekosistema edukattiva fin-nofsinhar ta’ Malta. Dawn il-wegħdi mwettqa ġew direttament minn fost in-nies. Dan juri kemm huwa krucjali li l-Gvern għandu jibqa’ jkun vicin tan-nies sabiex jiddetermina l-futur tan-nazzjon.

L-IVF

Gvern Laburista kien ċar kristall fil-wegħda tiegħu: li fl-ewwel mitt jum se jressaq għall-approvazzjoni emendi fil-liġi tal-IVF sabiex iktar familji u individwi, bis-saħħa tax-xjenza, ikollhom iktar opportunita’ li jkollhom it-tfal. Infatti din kienet waħda mill-wegħdiet primarji tal-manifest tal-Partit Laburista matul l-elezzjonijiet ġenerali ta’ Marzu li għadda.

Jien segwejt, u anke ipparteċipajt, fid-dibattitu Parlamentari għaliex din għalija hi liġi importanti ħafna. Rajt Prim Ministru u Gvern determinati, ċari fejn iridu jaslu u b’fehma kompatta u magħquda. Min-naħa l-oħra rajt Oppożizzjoni mgerfxa, li flok tispjega l-pożizzjoni tagħha lill-pubbliku hemm barra spiċċat tipprova tispjega l-pożizzjoni tagħha bejnietha stess.

L-iktar eżempju ċar ta’ dan, fil-fehma tiegħi, kien tal-Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa Stephen Spiteri li fir-replika tiegħu ta’ x’jifhem b’mod ċar li se jkun kontra l-emendi u meta ġejna għall-vot, xi gimgħat wara, spiċċa jitkellem bl-oppost. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qalilna li hu se jkun favur l-emendi imbagħad kellu sezzjoni tal-grupp tiegħu stess li vvota bl-oppost.

L-issue f’dan kollu m’hijiex waħda partiġġjana. X’qed jiġri fi ħdan il-Partit Nazzjonalista jarawh huma. Li jinteressani hu l-fatt illi kieku l-poplu flok ivvota lill-Partit Laburista, ivvota lill-Partit Nazzjonalista, dawn l-emendi ma kinux jaraw id-dawl tax-xemx tenut kont id-diżgwid intern evidenti, u fl-aħħar mill-aħħar dawk il-familji li xtaqu jsiru ġenituri kienu jibqggħu ma jistgħux isiru ġenituri.

Hu biss il-Gvern Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Robert Abela l-garanzija ta’ serħan il-moħħ ta’ iktar riformi.

Żonqor

Riforma oħra important hi dik marbuta mal-art taż-Żonqor f’Marsaskala u l-art fil-Kottonera li se jingħataw lura lill-familji Maltin u Għawdxin waqt li, biex jitħares l-investiment edukattiv, dan se jiġi trasferit f’żona oħra fin-nofsinhar tal-pajjiż, li hi x-Xgħajra (Smart City).

Aħna dejjem ridna li nsaħħu l-opportunitajiet ta’ xogħol u l-ġid fin-nofsinhar tal-pajjiż u b’din id-deċiżjoni nħoloq bilanċ tajjeb ħafna – bejn min-naħa l-waħda li nsaħħu l-ambjent u d-drittijiet tal-familji li jgawdu minn ambjent aħjar u min-naħa l-oħra li l-investiment edukattiv ma jintilifx.

Irrid insemmi xi bidliet oħrajn li saru fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern Laburista.

Bidla oħra importanti kienet dik marbuta mal-liġijiet dwar il-femiċidju. Dan hu pass importanti mmens kontra l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru.

Insemmi wkoll ir-ratings għoljin li rċeviet l-ekonomija Maltija minn aġenziji internazzjonali tal-kreditu. Fejn ġie nnutat l-isfidi ekonomiċi u l-progress tal-pajjiż f’dak li hu rkupru mill-pandemija tal-Covid-19.

Gvern Laburista qed jaħdem sabiex itaffi l-pressjoni tal-għoli tal-ħajja fuq il-poplu, fid-dawl tal-kunflitt fl-Ukrajna.

Kif ukoll, dan il-Gvern ħadem sabiex Malta titneħħa mill-lista l-griża tal-FATF.

Ser inkomplu nkunu pijunieri u nkunu nspirati fid-dawl tal-mandat b’saħħtu li ngħatajna mill-elettorat f’Marzu li għadda.

Ser inkomplu nkunu kuraġġużi u determinati, aktar minn qatt qabel sabiex nkomplu naraw lil pajjiżna javvanza.

Ser inkomplu noħolqu l-opportunitajiet mill-ostakli u nilħqu l-miri tagħna.

Kultura

Fl-ewwel 100 jum, fil-kamp kulturali nħoss li wettaqna ħafna xogħol li nikkaratterizzah f’sittax-il proġett.

Nibdew bil-festival tal-mużika Maltija, Mużika Mużika, li jiċċelebra s-sbuħija tal-mużika Maltija; liema festival ser inkomplu naħdmu qatigħ fuqu sabiex ikompli jikseb il-popolarità li jistħoqqlu u jżomm l-appuntament annwali tiegħu. Irridu niżguraw li aktar artisti Maltin ikollhom l-opportunità li jibnu u jsostnu il-karriera mużikali tagħhom b’mod professjonali.

Inkomplu bl-għajnuna finanzjarja ta’ nofs miljun ewro għall-assoċjazzjonijiet li jippromovu tradizzjonijiet lokali relatati mal-festi Maltin li nidejna din is-sena biex ngħinu lill-festi wara l-pandemija.

Bħala Gvern, aħna nemmnu li dawn l-għajnuniet jagħtu spinta sabiex l-għaqdiet tal-festi jkomplu jwettqu l-ħidma tagħhom, anke wara l-isfidi li kellhom jaffaċċjaw, kawża tal-pandemija matul ix-xhur li għaddew.

Skema oħra kienet dik li tinċentiva iktar is-sigurtà tal-kmamar tan-nar li jaħdmu fuq bażi volontarja – kull kamra tan-nar li taħdem fuq bażi volontarja ngħatat għal darba oħra €5,000 biex issaħħaħ l-aspetti ta’ sigurtà. Żgur li rridu nkomplu nħarsu u nissalvagwardjaw il-wirt kulturali intangibbli tagħna.

Avveniment ieħor, kien dak tal-Karnival ta’ Mejju, mtella’ f’Mejju biex il-popolu jkollu ċ-ċans igawdi mil-Karnival kif nafuh tradizzjonalment, ftit ġimgħat biss wara li ġew imneħħija r-restrizzjonijiet.

Nidejna wkoll 4 Festivals fis-Sajf organizzati minn Festivals Malta. Dawn huma: il-Malta Summer Festival – RITMU, li qabel kien magħruf bħala Għanafest, The Malta International Arts Festival, The Malta Jazz Festival u Dance Festival Malta. Dawn il-festivals kollha jservu rwol importanti fejn tidħol il-promozzjoni tal-kultura nazzjonali u l-wirt kulturali. L-attivitajiet msemmija fil-programm ta’ dawn l-avvenimenti huma xhieda ċara ta’ dan.

Il-Gvern huwa kommess li joħloq ekosistema kulturali sostenibbli u għalhekk fl-ewwel mitt jum varajna żewġ skemi li għandhom valur komplessiv ta’ iktar minn miljun Ewro - il-Programme Support scheme u l-Artistic Programme Scheme. Dawn l-iskemi jwittu t-triq għal settur kulturali robust li huwa kruċjali għal soċjetà sana.

Ngħaddu issa fuq il-wirt storiku. It-tnedija għal kollaborazzjoni strutturali bejn l-entitajiet tal-Gvern, il-knisja u l-Università ta’ Malta taħt il-kappa tal-E-HRIS toffri iktar protezzjoni lill- wirt storiku tagħna. Dan il-qbil kien pass essenzjali għall-koperezzjoni sħiħa fejn tidħol l-istorja u r-riċerka f’qafas Ewropew, bil-għan li jsaħħu u jespandu fl-użu tax-xjenza fis-settur tal-istorja u l-wirt kulturali.

Komplejna ninvestu fi proġetti ta’ restawr f’diversi postijiet madwar pajjiżna. Dawn il-proġetti ta’ restawr jattiraw aktar persuni sabiex iżuru pajjiżna għall-istorja u l-kultura mżewwqa li joffri.

Ta’ min insemmu wkoll, kif l-aġenzija Heritage Malta akkwistat parti mill-art f’Borg in-Nadur, ta’ madwar 13-il tomna, fejn taħtha jinstab mirdum villaġġ li jmur lura għal żmien il-Bronz. F’terminu ta’ daqs, din kienet l-akbar akkwist arkeoloġiku ta’ valur li sar mill-istat.

Kien hemm ukoll il-Premju għall-Arti, fejn ta’ kull sena dan kompla jevolva matul dawn il-ħames snin li ilu jitella’.Matul dan kollu, komplejna niġġeneraw u nkattru settur aktar sostenibbli u aċċessibbli li jaħseb għal tisħiħ kontinwu fejn jidħol il-professjonaliżmu.

Dan flimkien mat-tnedija tal-ewwel in-house musical Sweeney Todd tat-Teatru Manoel.

Dan it-Teatru huwa ġawhra nazzjonali u għandu rwol importanti fis-soċjetà tagħna. Għaldaqstant irridu nkomplu nżommu dan it-teatru straordinarju fil-qalba tal-ekosistema kreattiva Maltija.

Il-Belt Valletta hi għal qalbna u kuntent immens bix-xogħol li qed jitwettaq biex inkomplu nagħtu ħajja lil din il-Belt Valletta. Grazzi għall-Aġenzija Kulturali tal-belt Valletta ttellgħu avvenimenti sbieħ bħat-Three Tenors, Valletta Green Festival u Cinema City – fejn komplew jattiraw aktar avvenimenti artistiċi fil-qalba tal-kapitali tagħna.

Aktar riċenti kien hemm ukoll it-tnedija ta’ festival ġdid tal-opra mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta. Dan ikompli juri l-impenn u d-determinazzjoni sabiex insaħħu l-arti u l-kultura f’pajjiżna.

Nixtieq ukoll nfaħħar ix-xogħol tajjeb ħafna li twettaq is-Segretarju Parlamentari l-Onorevoli Alison Zerafa Civelli fis-settur tal-Gvern Lokali. Alison iġġib magħha esperjenza kbira fil-kamp tal-Gvern Lokali u persważ li se tkompli twettaq xogħol tajjeb immens f’dan is-settur.

Ninsab kburi bix-xogħol li nwettqu fl-ewwel mitt jum u nħares ‘il quddiem għal dak li ser nwettqu flimkien fil-250 ġimgħa li jmiss, taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela.



3 views

Recent Posts

See All

+150%