top of page

Opinjoni | Riżultati b’saħħithom ħafna



Riżultati b’saħħithom li jitkellmu weħidhom fejn qed naraw li, b’mod ġenerali, qed jinqatgħu iktar kawżi milli jidħlu

Din il-ġimgħa fil-Parlament tkellimt dwar ir-riżultati li qed niksbu fil-qasam tal-Ġustizzja.

Riżultati b’saħħithom li jitkellmu weħidhom fejn qed naraw li, b’mod ġenerali, qed jinqatgħu iktar kawżi milli jidħlu. Dan kollu wassal għal tnaqqis fil-backlog kemm fiċ-ċivil u kemm fil-kriminal komparat ma’ ħames snin ilu.

Dan ma waqax mis-sema jew sar waħdu. Dan kollu inkiseb bis-saħħa ta’ deċiżjonijiet tajbin, bis-saħħa ta’ viżjoni ta’ min kien kommess li jirranġa s-sistema bl-aħjar mod.

Hemm stejjer ta’ suċċess li huma ċari. Hemm qrati – li jien m’iniex se noqgħod insemmi għal raġunijiet ovvji – li waqt li qabel kienu jaqgħu lura ma’ kull sena, illum sejrin ’il quddiem u qed jaqtgħu kawżi ħafna iktar milli jidħlu fil-ħin u b’effiċenza.

Jifdal dawk il-ftit awli li jirrikjedu attenzjoni speċjali. Il-Qorti tal-Appell Superjuri hi waħda minnhom u forsi l-iktar waħda li tirrikjedi attenzjoni.

Bis-saħħa tal-Att numru 1 tal-2008 diġà provdejna għal numru ta’ emendi legali li jaraw it-twaqqif ta’ Kamra oħra tal-Qorti tal-Appell Superjuri biex ix-xogħol jinqasam fuq żewġ magni milli fuq magna waħda kif inhi s-sistema bħalissa. Dawn l-emendi se jidħlu fis-seħħ hekk kif ikun il-ħatra ta’ ġudikanti ġodda – li mhux se tkun ’il bogħod – għaliex biex dan isir irid jiżdied in-numru ta’ ġudikanti.

L-istess irid jiżdied in-numru ta’ ġudikanti biex inwettqu l-wegħda tagħna ta’ Imħallef għall-Qorti ta’ Għawdex u tisħiħ tal-Qorti tal-Familja, pereżempju.Dan irid isir b’galbu u attenzjoni.

Il-Prim Imħallef il-ġdid Dr Joseph Azzopardi diġà qal li jrid li jkun hem iktar emendi fil-liġi fejn jidħlu l-Qrati tal-Appell biex nimxu ’l quddiem u jien nilqa’ bil-ferħa dawn it-tip ta’ stqarrijiet. Jien informat li l-Prim Imħallef ħatar grupp ta’ Ġudikanti sabiex jipproponu soluzzjonijiet legali ġodda u dan hu, bla dubju ta’ xejn, il-mod ta’ kif irridu mmexxu ’l quddiem.

Rule of law

Meta tara dawn is-suċċessi, dawn il-kisbiet li qed niksbu flimkien bis-saħħa tal-isforzi ta’ ħafna nies tintebaħ kemm hi inġusta l-għajta ta’ min jgħid li f’pajjiżna m’hawnx ir-rule of law jew li s-saltna tad-dritt marret il-baħar.

Ir-risposta tawhielhom it-Transparency International li fir-rapport annwali tagħha għolliet lil pajjiżna b’post (jiġifieri pajjiżna mar ‘il quddiem b’post wieħed) u iktar importanti minn hekk il-GRECO li fejn jidħlu l-prosekuzzjonijiet u l-ġudikatura kellhom kliem ta’ tifħir kbir ħafna għar-riformi li għamilna biex nimplimentaw is-suġġerimenti tagħhom għat-tisħiħ tar-rule of law

Jiddispjaċini ħafna nara klikka partikolari mill-PN taħdem minn sbieħ sad-dlam biex akkost ta’ kollox tagħmel ħsara lil Malta mal-barranin. Malta qatgħu qalbhom għax jafu li had ma jrid jisma’ bihom iktar għal diversi raġunijiet. Allura l-unika mod hu li jmorru barra minn Malta fejn hemmhekk ma jkunux jafu r-realtajiet li hawn f’pajjiżna u ħafna drabi jaslu għal konklużjoni waħda mingħajr ma jisimgħu jew jagħtu l-istess piż liż-żewġ qniepen.

Jum l-Omm

Illum huwa Jum l-Omm. Nawgura lill-ommijiet kollha xewqat mill-isbaħ għal ġurnata sabiħa mal-għeżież tagħhom.

Naturalment ħsibijietna bħal-lum imorru wkoll f’dawk in-nisa li jixtiequ jsiru ommijiet imma ma jistgħux għal raġunijiet mediċi. Nemmen li għandna obbligu nużaw ix-xjenza bl-aħjar mod sabiex ngħinuhom mill-aħjar li nistgħu li jsiru ommijiet skont il-‘best practices’ Ewropej u internazzjonali f’dan is-settur tant delikat.

Kburi li bil-ħidma parlamentari tagħna se nkunu f’pożizzjoni li nagħmlu differenza għall-aħjar lil dawn il-persuni.

Sadanittant nikkundanna ċertu diskors insettiv għall-aħħar li ġej minn esponenti ewlenin tal-Oppożizzjoni li bla dubju ta’ xejn fetaħ beraħ pjagi ġodda f’qalb diversi nisa li għaddejjin minn dulur u dispjaċir kbir minħabba l-fatt li għadhom ma sarux ommijiet.

Dan m’għandux mis-sewwa.

bottom of page