top of page

Opinjoni | Malta t'għada


Joseph Muscat ma jridx biss li pajjiżna jkun fl-aqwa pożizzjoni llum, imma jrid li mil-lum nilqgħu għall-isfidi t'għada...


It-tema tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista hija Malta t'għada. Din it-tema fiha ħsieb u sinjifikat. Mhijiex tema b'saħħitha sempliċiment għax iddoqq sabiħ fil-widna. Hija tema b'saħħitha għaliex tiġbor żewġ elementi kruċjali – il-preżent (Malta) u l-futur (t'għada). Il-Partit Laburista ilu fit-tmexxija ta' dan il-pajjiż ħames snin u f'dawn il-ħames snin trasforma pajjiżna għall-aħjar. Joseph Muscat ma jridx biss li pajjiżna jkun fl-aqwa pożizzjoni llum, imma jrid li mil-lum nilqgħu għall-isfidi t'għada. Biex inkunu pass 'il quddiem qabel ħaddieħor. Malta Malta hija kelma b'saħħitha ħafna li tfisser ħafna affarijiet lilna l-Maltin. Forsi għall-barranin, il-kelma Valletta hija b'saħħitha iktar minn Malta. Għalina l-Maltin, Malta hija kelma li tfisser il-bidu ta' ħafna affarijiet sbieħ. It-tmexxija tal-pajjiż qiegħda f'idejn Gvern li qed iġib riżultati b'saħħithom ħafna. Fil-kamp ekonomiku pajjiżna miexi 'l quddiem f'livelli bla preċedent. Fil-kamp soċjali qed isiru riformi li qatt ma ħlomna li jistgħu jsiru fi żmien tant qasir. Bl-istess mod fid-diversi oqsma qed nikskbu riżultati tajbin ħafna. Il-Maltin u Għawdxin illum qed jgħixu ħajja aħjar milli kienu jgħixu ħames snin ilu Din hi Malta tagħna. Għada Il-politiku li għandu viżjoni ma jaħsibx biss fil-lum. Jaħseb ukoll f'għada. Missier għaqli u li verament iħobb lil uliedu ma jiħux biss ħsieb li jixtri l-ikel lil uliedu biex jieklu llum u jipprovdilhom saqaf fuq rashom. Missier għaqli jinvesti fit-tagħlim ta' wliedu u joħloq proġetti biex uliedu meta jikbru jgħixu ħajja aħjar milli kien jgħix hu. Hekk ukoll Prim Ministru għaqli. Ma jipprovdix biss soluzzjonijiet għal-lum imma jibni futur aħjar minn issa. Dak Ii qed jagħmel Joseph Muscat. L-għaqda Wieħed mis-suċċessi l-kbar ta' Joseph Muscat kien li frott il-perseveranza, il-ħila u l-impenn, iżomm lill-Partit Laburista magħqud ponn wieħed. Partit maqsum ma jista' qatt jaspira li jmexxi l-pajjiż 'il quddiem.

Il-Partit Laburista hu magħqud ponn wieħed għaliex jgħaqqdu flimkien l-ideal u l-aspirazzjonijiet ta' Malta aħjar u iktar progressiva. Min-naħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista hu mifrud fi tliet biċċiet - il–biċċa ta' Delia, il-biċċa ta' Simon u l-biċċa ta' Marlene. Għal ftit żmien jidhru li qed ikantaw mill-istess karta imma mbagħad mal-iċken test is-sopran ikanta diska u l-baritonu jkanta diska differenti. Dan it-taħwid bla preċedent għandu l-għerq tiegħu f'ħaġa waħda ċara – dik li m'hemmx twemmin wieħed b'saħħtu li jġib flimkien il-Partit Nazzjonalista. Illum, x'jirrappreżenta l-Partit Nazzjonalista? What does PN stand for? Governanza tajba Fazzjoni tal-PN - dik ta' Simon - iddeċidiet li tagħmel il-governanza tajba l–missjoni numru wieħed tagħha. Din il-ġimgħa kien hemm sentenza fil-Qorti li waqqgħet il-maskra tal-ipokrezija. Sentenza b'saħħitha ħafna fejn essenzjalment il-PN tilef b'knock-out mal-ewwel round. Tiftakru l-iskandlu DB meta Simon inqabad li kien jieħu donazzjonijiet bi ksur tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti? Dakinhar dan id-difensur tal-governanza tajba għamel ħiltu kollha biex jirbaħ iż-żmien u jattakka kemm jiflaħ lir-regolatur (il-Kummissjoni Elettorali) u kien qal kulma ġie f'ħalqu kontra l-Kummissjoni. Il-Qorti qalet li Simon Busuttil kellu tort mija fil-mija. Kieku vera jemmen fil-governanza tajba, Simon Busuttil kien missu fetaħ il-bibien tal-Partit Nazzjonalista beraħ u stieden lill-Kummissjoni Elettorali tinvestiga kull rokna tad-Dar Ċentrali tal-PN. Minflok mar il-Qorti biex itellef kemm jiflaħ. Jekk Simon Busuttil hu l-aqwa esponent tal-PN dwar governanza tajba, nixtieq inkun naf l-agħar esponent tal-PN kif ikun. Valletta 2018 Bħalissa l-klikka ta' Simon Busuttil qed tagħmel ħilitha kollha biex titfa' t-tajn fuq Malta. Iktar ma tara tajn ġej fuq Malta, iktar tieħu pjaċir u erħilha tiftiehem mal-barranin biex jekk jista' jkun anke Donald Trump joħroġ jgħid li Malta huwa pajjiż mimli xjaten u nies bla qalb. 'Il hinn minn x'qed tagħmel il-klikka ta' Simon għal raġunijiet purament politiċi jew raġunijiet oħra, aħna għandna dover li nibqgħu niddjalogaw u nitkellmu mal-kollegi tagħna Ewropej u barranin biex wieħed jifhem aħjar lill-ieħor. Nemmen li aħna rridu nkunu dejjem iktar sensittivi għar-realtajiet li qed jinbnew u fl-istess waqt aħna nfhemu iktar dak kollu li qed nagħmlu biex min wettaq l-attakk orribbli fl-omiċidju ta' Daphne Caruana Galizia jieħu li ħaqqu. F'dan il-kuntest kollu nibtet kritika qawwija fuq il-Fondazzjoni Valletta 2018 fejn numru ta' esponenti Ewropej u minn Leeuwarden qed jitolbu għat-tneħħija ta' Jason Micallef. Ir-raġuni tat-tneħħija ta' Jason Micallef hi li hu rredikola l-famuża frażi "the situation is desperate".

Irrid ngħid li dan l-iżvilupp nikkittni ħafna għaliex bejn il-Fondazzjoni Valletta 2018, Leeuwarden 2018 u l-istituzzjonijiet Ewropej bnejna rapport eċċellenti. Biss wieħed irid ikun sensittiv għar-raġunijiet li wasslu lil dawn il-ħbieb tagħna jgħidu dak li qalu. Jien se nitkellem ma' sħabna tal-Olanda u mmur fejn hemm bżonn biex nispjega punt fundamentali: taqbel jew ma taqbilx ma' dak li kiteb Jason Micallef, nemmen li kull min hu verament Ewropej u għandu l-valur Ewropej għal qalbu jaqbel li Jason Micallef għandu dritt għall-opinjoni tiegħu. Dak hu valur kruċjali fid-demokrazija. Li tiddefendi d-dritt ta' ħaddieħor li jgħid anke dak li ma taqbilx miegħu. Bħalma Manwel Delia għandu dritt jgħid bl-iktar mod qawwi li s-sitwazzjoni hija ddisprata bl-istess mod għandu dritt Jason Micallef jgħid bl-iktar mod qawwi li s-sitwazzjoni mhijiex iddisprata. Ma jistax ikun hemm sett ta' liġijiet u standards għal min jikkritika lill-Gvern u sett ta' liġijiet u standards differenti u inferjuri għal min ma jikkritikax il-Gvern. Fejn hemm id-demokrazija hemm valur b'saħħtu tat-tolleranza u l-libertà tal-espressjoni. Dak hu valur għal qalbna ħafna. Dak hu wara kollox li l-ġurnaliżmu jirrappreżenta. Issa nifhem li Jason Micallef għandu wkoll funzjoni pubblika u għalhekk f'dan il-kuntest dejjem nappella għall-kawtela u l-prudenza. M'għandix dubju li iktar ma nfhemu dak li qed nagħmlu u x-xogħol li qed inwettqu għat-tisħiħ tal-libertà tal-espressjoni u s-saltna tad-dritt, iktar dak li jkun jirrealizza kemm aħna ġenwini fil-ħidma tagħna.


コメント


bottom of page