Għadu kif ġie mniedi l-programm artistiku għas-sajf tal-2018 ta’ Pjazza Teatru Rjal, li se jkun kontribuzzjoni sostanzjali għall-avvenimenti kulturali ta’ din is-sena, kif ukoll ċertament se jagħti kontribut siewi lill-programm artistiku ta’ Valletta 2018.
“Il-kultura kulma jmur qed issir prijorità fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Il-programm kulturali ta’ pajjiżna huwa mimli b’diversi festivals u avvenimenti sabiex kulħadd ikun jista’ japprezzahom. Il-varjetà u l-kwalità ta’ kalendarju li qiegħed dejjem jikber huwa sinjal ċar li l-kultura qiegħda dejjem issir aktar aċċessibbli għall-pubbliku, u l-programm artistiku ta’ Pjazza Teatru Rjal għal dan is-sajf jikkumplimenta dan,” sostna l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.
Il-programm ta’ Pjazza Teatru Rjal huwa wieħed imżewwaq sew li jkopri d-diversi forom ta’ arti bħaż-żfin, il-film, it-teatru, il-mużika, programmi edukattivi kif ukoll dawk televiżivi. Minbarra numru ta’ produzzjonijiet li jesponu l-aqwa talent Malti, it-teatru se jkun qiegħed jospita numru ta’ artisti ta’ fama internazzjonali fosthom id-duo Igudesman & Joo, il-kor versatili Swingles, mużiċisti jazz minn madwar l-Ewropa bħal Bertil Strandberg, Rino Cirinna u Stjepko Gut, il-vjolinist Ungaro-Ukren rebbieħ tal-Eurovision Song Contest Edvin Marton, kif ukoll Balázs Havasi li hu meqjus bħala l-aktar pjanista veloċi fid-dinja.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall, qal li hu, “kburi li kont jien li għammidt dan is-sit bl-isem ta’ Pjazza Teatru Rjal: Pjazza għax hawn hu maħsub biex ikun it-tokk fejn jiltaqgħu nies ġejjin minn kull saff tas-soċjetà, Teatrugħaliex hawn jittellgħu l-ġeneri kollha tal-arti tal-ispettaklu; Irjal għax dan huwa sit bi storja għanja u sinifikanti. Illum iddentifikajna l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tas-sit u nħarsu ’l quddiem b’kuraġġ biex Pjazza Teatru Rjal jivvinta lilu nnifsu mill-ġdid.”
Il-Malta Concert Orchestra se tkompli fuq is-suċċess li kisbet fl-2017 fejn se tkompli toffri numri ta’ kunċerti għal gosti ta’ kulħadd. Tant kienet strumentali l-Malta Concert Orchestra għas-suċċess li kiseb L-Għanja tal-Poplu – Festival tal-Kanzunetta Maltija s-sena l-oħra, li din is-sena tnediet verżjoni tal-festival għaż-żgħażagħ, dejjem b’akkumpanjament mużikali live.
Iċ-Chairman ta’ Pjazza Teatru Rjal Charles Gatt, qal, “għandi nifhem li l-programm varjat li se joffri Pjazza Teatru Rjal din is-sena għandu jappella għal gosti ta’ kulħadd, sew għal dawk il-bosta eluf li diġà attendew xi avveniment ġewwa t-teatru kif ukoll għal dawk li se jkunu qed jattendu għall-ewwel darba.”
Għal aktar informazzjoni dwar l-avvenimenti u l-biljetti żur www.pjazzateatrurjal.mt
Kommentare