top of page

Tragward ieħor fir-riformi tal-Qrati - titwaqqaf sezzjoni ġdida tal-Kummerċ



B’effett mid-9 t’April 2018 se titwaqqaf sezzjoni ġdida fil-Qrati speċjalizzata fil-kummerc. Dan kollu qiegħed isir bi qbil mal-ġudikatura u wara li l-liġi kkonċernata ġiet approvata mill-Parlament.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici enfasizza l-importanza ta’ dan il-Qorti. “L-impenn ta’ dan il-Gvern hu li nżidu l-effiċjenza fil-Qrati tagħna u permezz ta’ din l-ispeċjalizzazzjoni se nżidu l-effiċjenża fil-mod ta’ kemm idumu dawn il-kawżi filwaqt li d-deċiżjonijiet li jingħataw ikunu ta’ kwalità għolja u aktar konsistenti.”

Il-Ministru kompla jgħid li, “dan kollu jmur tajjeb ferm mad-diversi riformi ġudizzjarji li bħala Gvern qegħdin inwettqu bl-għan ewlieni li jingħata nifs ġdid fil-qasam tal-ġustizzja sabiex eventwalmentiċ-ċittadini Maltin u Għawdxin jibbenefikaw minn servizzi ġudizzjarji aktar b’saħħithom.”

Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri qal li it-twaqqif ta’ sezzjoni dwar il-Kummerċ se ssaħħaħ il-kompetittività ta’ pajjiżna, se tirrifletti iżjed minn qabel is-serjetà li biha topera l-ġurisdizzjoni Maltija, se tnaqqas il-proċeduri burokratiċi għall-kumpaniji u se tpoġġi lil Malta bħala l-għażla naturali għall-investituri.

“Din se żżid il-fiduċja fil-komunità kummerċjali u dan fl-isfond li pajjiżna se jiżviluppa u jesplora swieq ġodda inkluż is-settur diġitali u dak tat-teknoloġija fil-qasam finanzjarju,” qal Schembri. Żied li t-twaqqif tal-Qorti tal-Kummerċ turi kemm il-Gvern huwa kommess li jindirizza l-ħtiġijiet tal-industrija.

Minkejja li l-Qorti tal-Kummerċ f’kuntest domestiku kienet teżisti, għad li b’ġurisdizzjoni differenti, in-nuqqas tagħha fl-aħħar snin kien qiegħed iħasseb lil diversi entitajiet u aġenziji ta’ kreditu internazzjonali għaliex fi żminijiet kontemporanji li jkollok Qorti tal-Kummerċ hija n-norma u mhux l-eċċezzjoni.

Hu proprju dan is-sentiment li sejjes u xxpruna lill-Gvern sabiex jaġixxi u titwaqqaf sezzjoni tal-Qorti ffokata fuq il-Kummerċ, liema Qorti issa ser tkun kompetenti li tisma’ u taġġudika każijiet lihuma relatati ma’ materji regolati mill-Att dwar il-Kumpaniji bħal fost l-oħrajn proċeduri ta’ falliment, insolvenza kif ukoll proċeduri ta’ stralċ.

Il-ħtieġa ta’ din il-Qorti kienet diġà qiegħda tinħass fil-Qrati lokali hekk kif fil-prattika diġà kien hemm arranġamenti informali sabiex tiġi ffurmata Qorti tal-Kummerċ. Il-Qorti tal-Kummerċ għandu fi ħsiebu jindirizza aħjar id-diversi kwistjonijiet illi n-nies tan-negozju jħabbtu wiċċhom magħhom fuq livell kummerċjali.

Ta’ min jirrimarka, illi b’mod simultanju, permezz ta’ Avviż Legali ieħor ser tiġi implimentata sistema li tagħmilha possibbli li jiġu sottomessi rikorsi b’mod virtwali online fuq is-sit elettronikuecourts.gov.mt. Għaldaqstant, ser ikun qiegħed jiġi assigurat servizz aktar komdu u effiċjenti għall-partijiet kkonċernati.

bottom of page