L-ewwel punt: Ħafna nies jaħsbu li s-settur tal-Ġustizzja huwa magħmul esklussivament mill-Qrati. Le, dan mhux minnu. Tant hu hekk li meta aħna l-Ministri tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea niltaqgħu kull sitt ġimgħat kważi nitkellmu u niddeċiedu fuq ħafna affarijiet oħra. Niddeċiedu fuq kif wieħed jista' jasal għal ftehim barra mill-Qrati, nitkellmu dwar drittijiet ċivili ġodda, nitkellmu dwar kif sentenza li tinkiseb f'pajjiż wieħed tal-Unjoni Ewropea tiġi eżegwibbli mingħajr xkiel f'pajjiż ieħor, dwar miżuri li jsaħħu s-saltna tad-dritt u elenku ma jispiċċa qatt ta' affarijiet. Waħda mill-ewwel affarijiet li għamilna fix-xhur ta' wara l-2013 kienet li noħolqu dipartiment għall-Ġustizzja bħalma hemm f'kull pajjiż avvanzat. Id-Dipartiment tal-Ġustizzja għandu l-obbligi li jagħti numru ta' servizzi lill-pubbliku li m'għandhomx x'jaqsmu mal-Qrati imma, għal raġuni li qatt ma fhimtha, kienu jingħataw mill-edifizzju tal-Qorti. Is-sistema tal-Avukat tal-Għajnuna Legali huwa l-iktar eżempju lampanti. It-tieni punt: Il-Qrati għandhom rwol kruċjali fis-soċjetà u allaħares ma jkunux huma għal tliet funzjonijiet kardinali li għandhom. Għandhom irwol kruċjali għaliex jagħtu deċiżjonijiet għal tilwim li jista' jinqala' minn żmien għal żmien bejn persuna u persuna oħra. Għandhom irwol kruċjali għaliex jagħtu deċiżjonijiet għal min ikun iddeċieda li jikser il-liġijiet tal-pajjiż u allura jagħmel dannu lis-soċjetà. Għandhom irwol kruċjali għaliex iservu ta' hand-brake għal meta l-organi l-oħra tal-istat bħall-Parlament u l-Gvern jieħdu deċiżjonijiet żbaljati. Allaħares ma tkunx il-Qorti.
It-tielet punt: Il-Qorti mhijiex ‘popularity contest’ jew ‘Xarabank’ u m'għandha qatt tkun. Il-Qorti għandha tagħti d-deċiżjonijiet tagħha fuq dak li taħseb li hu sewwa bl-applikazzjoni korretta tal-liġi l-korretta. Il-Qorti għandha tkun għamja u la tħares lejn uċuħ u wisq inqas lejn x'jgħid dak u l-ieħor. Il-persuni li jifformaw il-Qorti għandhom jaraw li f'dak li jagħmlu jew ma jagħmlux - mill-iktar deċiżjoni importanti sal-iktar waħda żgħira u minuri - il–ġustizzja mhux biss issir imma tidher li qed issir. Ir-raba' punt: Il-Ministru għall-Ġustizzja m'għandu qatt ikun il-portavuċi tal-Qrati. Il-Qorti hija organu tal-istat, il-Ministru hu parti minn organu ieħor. Dak li tiddeċiedi l-Qorti m'għandux jirrifletti fuq il-Ministru u dak li jagħmel il-Ministru m'għandux jirrifletti fuq il-Qrati. Il-Ministru għall-Ġustizzja għandu jara li l-amministrazzjoni tal-Ġustizzja timxi bl-aqwa mod, b'mod spedit u effiċjenti, li jingħataw ir-riżorsi kollha li hemm bżonn u l-għodod legali meħtieġa b'riformi f'waqthom. Il-ħames punt: Il-Ministru għall-Ġustizzja jsofri mill-fatt li l-Qorti hija probabbilment l-uniku rokna fl-Istat Malti fejn ċittadin ma jistax jippretendi li jekk imur jitkellem ‘se jinqeda’. Ir-regoli tas-saltna tad-dritt huma ċari u ċ-ċittadin għandu jkollu l-għaqal li jifhem li huwa fl-interess tiegħu stess u ta' kulħadd li dawn jiġu rispettati. In-naħa l-oħra tal-munita hi li l-Gvern għandu obbligu li jinforma kemm jiflaħ liċ-ċittadini u nemmen li fiż-żmien li ġej irridu nikkomunikaw iktar u ninformaw iktar milli qatt għamilna s'issa. Is-sitt punt: L-Imħallfin u Maġistrati għandhom ikollhom is-serħan kollu possibbli u akkost ta' kollox li jkunu liberi li jieħdu d-deċiżjonijiet li jidhrilhom li huma sewwa bl-applikazzjoni korretta tal-liġi l-korretta. Għalhekk l-Imħallfin u Maġistrati għandu jkollhom, kif għandhom, post tax-xogħol garantit sal-età pensjonabbli li minnu ma jistgħux jitneħħew jew jiġu dixxiplinati jekk mhux wara li jgħaddu mill-għarbiel tagħhom (Imħallfin u Maġistrati) stess (f'każ ta' tneħħija jrid ikun hemm vot ta' żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati). Għandhom ikollhom, kif għandhom, id-dritt li jitħallsu direttament mill-Fond Konsolidat. Aħna saħħaħna l-garanziji għall-Imħallfin u Maġistrati b'emendi fil-Kostituzzjoni li saru bi qbil mal-Oppożizzjoni li mxew fedelment mal-prinċipju sagrosant li "Judges have to be judged by their own peers".
Is-seba' punt: Ta' dan il-‘privileġġ’ bżonjuż li l-Imħallfin u Maġistrati għandhom (ċioè li ma jistgħux jitneħħew jew jiġu dixxiplinati jekk mhux wara li jgħaddu mill-għarbiel tagħhom stess), l-Imħallfin u Maġistrati għandhom responsabbiltà iktar minn ħaddieħor li jkunu korretti fid-deċiżjonijiet tagħhom, li jservu l-ġustizzja fil-ħin u mingħajr dewmien, li jħallu l-fehmiet personali jew ta' kwalunkwe xorta oħra wara l-għatba tal-Qorti u li jitrattaw in-nies kif xieraq. Qabel ma għamilna t-tibdil Kostituzzjonali, Ġudikant li ma jsegwix id-doveri tiegħu kien jew jingħata warning jew jiffacja l-possibiltà ta' tneħħija mill-Kamra tad-Deputati wara li jgħaddi mill-għarbiel tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. Jew nejja jew maħruqa. Issa hemm għażla sħiħa ta' passi dixxiplinarji li jistgħu jiġu imposti minn Kumitat magħmul minn Ġudikanti magħżul mill-Ġudikati stess. It-tmien punt: Il-fiduċja fis-sistema tal-Ġustizzja trid tikber. Min hu Nazzjonalist, għal raġunijiet ħżiena jew tajbin, bħalissa jaħseb li l-Labour ħataf il-Qorti f'idejh. Min hu Laburist, għal raġunijiet ħżiena jew tajbin bħalissa jaħseb li n-Nazzjonalisti għadhom jagħmlu li jridu fil-Qrati. Il-ħafna li m'għandhomx għamad politiku u la jinteressahom minn x'jaħseb in-Nazzjonalist jew x'jaħseb il-Laburist jippretendi li sentenza tingħata bla dewmien u tkun waħda tajba. Il-poplu jrid li l-ġudikanti jxammru l-kmiem u ma jieqfu qatt itejbu l-operat tagħhom. Jekk hemm problema ta' backlog f'ċertu Qorti, il-poplu jippretendi li l-Ġudikant li jippresedi dik il-Qorti jieħu azzjoni biex dak il-backlog jonqos u l-poplu jippretendi li l-Gvern jgħin bl-iktar mod possibbli biex dan isir. Li nibdlu qoxra u ma nibqgħux inħossu għas-sofferenzi tal-pubbliku assolutament mhijiex għażla. Id-disa’ punt: Sar ħafna xogħol mill-2013 biex il-qasam tal-Ġustizzja jimxi 'l quddiem u r-rule of law issaħħet. Ma jfissirx li wasalna, imma xogħol sar u qegħdin fid-direzzjoni t-tajba. Matul is-sena 2017 il-backlog naqas kemm fil-Qrati Ċivili u kemm fil-Qrati Kriminali però għad fadal ħafna xi jsir. Żidna l-awli, biddilna u ssimplifikajna l-liġijiet, immodernizzajna s-servizzi tal-IT, tajna riżorsi ġodda lill-Ġudikanti kemm umani u kemm bħala uffiċini u se nkomplu nagħtu iktar riżorsi u rriformajna aspetti li kienu ilhom is-snin jinxteħtu taħt it-tapit. Fl-2013 kellna ħafna enerġija. Illum għandna enerġija iktar minn qatt qabel… u esperjenza. L-għaxar punt: Il-Qrati għandhom impatt fuq il-mod ta' kif pajjiżi barranin iħarsu lejna u fuq l-ekonomija ta' pajjiżna. Fejn tidħol l-impatt ekonomiku jiena kburi li qed nirreġistraw riżultati tajbin u rridu nkomplu mmexxu 'l quddiem. Fejn jidħol il-mod ta' kif pajjiżi barranin iħarsu lejna, nafu li bħalissa, ħażin jew tajjeb, għaddej dibattitu dwar is-saltna tad-dritt partikolarment wara l-omiċidju barbaru u inaċċettabbli ta' Daphne Caruana Galizia. Nemmen li iktar minn qatt qabel, irridu nkunu proattivi biex intejbu iktar u iktar l-affarijiet u sensittivi fid-deċiżjonijiet li nieħdu għall-ġid ta' pajjiżna.
Comments