• Team Owen Bonnici

Implimentati miżuri li jiffaċilitaw l-irkurpru ta’ flus fuq livell Ewropew



Daħal fis-seħħ b’effett immedjat Avviż Legali li jippermetti lill-qrati domestiċi jiffriżaw kontijiet bankarji ta’ debitur f’pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea. Permezz ta’ dan l-avviż legali qed nassiguraw li Malta, bħala pajjiż membru fi ħdan l-Unjoni Ewropea, tkun dejjem konformi u timplimenta r-regolamenti tal-istess Unjoni Ewropea.

“Hu d-dmir tagħna li dejjem insaħħu u niffaċilitaw il-proċessi ġudizzjarji tagħna sabiex finalment dejjem jibbenifika ċ-ċittadin”, saħaq il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici. “Dan il-proċess se jiffaċilita l-irkupru ta’ flus f’materji ċivili u kummerċjali fl-Unjoni Ewropea u b’hekk il-kreditur ikun aktar protett u sigur”, kompla jgħid il-Ministru Bonnici.

Ir-regolament konċernat (Regolament Nru 655/2014) jistabilixxi proċedura Ewropea li tippermetti kreditur f’każijiet transkonfinali li jikseb Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet, li tista’ tkun ta’ natura kawtelatorja jew ta’ natura eżekuttiva, li twaqqaf it-trasferiment jew il-ġbid ta’ fondi miżmuma mid-debitur tiegħu f’kont bankarju miżmum fi stat membru.

Dan il-proċess jipproteġi lill-kreditur billi jassigura li jiġu evitati trasferimenti jew irtirar ta’ fondi min-naħa tad-debitur li jista’ jkollhom l-effett li jippreġudikaw kwalunkwe rimedju legali li l-kreditur ifittex li jutilizza fil-konfront tal-istess debitur.

Dan l-avviż legali qed jistabilixxi l-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ta’ Malta bħala dik il-Qorti kompetenti sabiex toħroġ l-imsemmija Ordnijiet Ewropej tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet. L-informazzjoni meħtieġa fir-rigward tal-kontijiet tad-debitur għandha tingħata mir-Reġistratur, mill-Qrati Ċivili u mit-Tribunali. Min-naħa l-oħra, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali se jkun responsabbli sabiex jirċievi, jittrasmetti u jinnotifika l-imsemmija ordnijiet.

Dan l-avviż legali jinkludi miżuri mmirati biex jassigura, fost affarijiet oħrajn, ir-rikonoxximent reċiproku u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi bejn l-istati membri, l-aċċess effettiv għall-ġustizzja u l-eliminazzjoni tal-ostakli għall-funzjonament xieraq ta’ proċeduri ċivili. B’dan il-mod tkun qed tiġi promossa l-kompatibbiltà tar-regoli dwar il-proċeduri ċivili applikabbli fl-istati membri.

Avviż Legali ieħor li ġie implimentat simultanjament jipprovdi li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jkun intitolat li jirkupra l-ispejjeż li jkun daħal fihom minħabba l-imsemmija esekuzzjoni tal-Ordnijiet Ewropej tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet f’termini tar-Regolament (UE) Nru 655/2014. Fil-fatt, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali issa se jkun jista’ jirkupra pagament fiss ta’ mitt ewro.

Dan kollu qed isir sabiex inkomplu nsaħħu l-liġijiet ta’ pajjiżna kif ukoll sabiex nipproteġu aħjar liċ-ċittadin.


  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436
Owen Bonnici Logo