top of page

Il-Ministru Bonnici jżur il-karrijiet u d-dilettanti tal-Karnival lejliet il-ħruġ tagħhom



Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici żar uħud mill-karrijiet tal-Karnival u ltaqa’ ma’ wħud mid-dilettanti tal-Karnival li ilhom sena sħiħa għaddejjin jaħdmu fuq il-karrijiet tagħhom. Din is-sena, minbarra r-Re tal-Karnival u tliet karrijiet satiriċi, hemm 19-il karru li qed jieħdu sehem fil-Karnival tal-Belt.

Il-Minsitru Bonnici qal, “Id-dedikazzjoni u s-sagrifiċċji tad-dilettanti fejn jidħol ix-xogħol u l-artiġġjanat tal-Karnival jissarrfu f’xogħol imprezzabbli u ta’ livell għoli għat-tgawdija ta’ kulħadd.” Hu kompla jgħid li, “Bħala Ministeru u Gvern se nkomplu naħdmu biex nappoġġjaw it-talent lokali li bis-saħħa tiegħu qiegħda tiġi organizzata din il-festa tant sabiħa u tant għall-qalb il-poplu tal-gżejjer tagħna. Dawn it-talenti varji jwasslulna attività li tgħaqqadna u tferraħna bħala komunità.”


Biex żgur il-karrijiet jitgawdew minn kulħadd, din is-sena t-team organizzattiv tal-Karnival ħaseb għal tinda fil-Marsa biex il-karrijiet jintramaw taħtha hekk kif jinħarġu mill-imħażen, qabel ma jibdew triqithom lejn il-Belt.

Il-karrijiet inbidlu maż-żmien, u llum saru kollha mekkanizzati u l-mekkaniżmu nnifsu iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed isir sofistikat. Il-karrijiet l-ewwel jinħadmilhom il-qafas tal-ħadid u wara jinksew bil-kartapesta. Wara jinżebgħu b’ħafna kuluri jgħajtu li saru assoċjati mal-Karnival u wara jiġu mżejna bid-dawl.

Għall-Karnival organizzat jingħataw mas-€60,000 fi premji li jinqasmu fuq seba’ kategoriji. Il-parteċipanti tal-karrijiet jingħataw ukoll għajnuna finanzjarja għall-kiri ta’ inġenji kif ukoll biex jirmunkaw il-karrijiet mill-imħażen għall-Belt u lura. Jingħata wkoll sussidju lil dawk li jipparteċipaw bil-maskaruni.

Għal din iż-żjara kien hemm preżenti wkoll is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista.

Għal aktar tagħrif dwar il-Karnival wieħed għandu jżur is-sit www.karnivaltamalta.org

Il-biljetti ta’ wħud mill-ispettakli li se jittellgħu fi Pjazza San Ġorġ jistgħu jinxtraw minn www.ticketline.com.mt ; Embassy Cinemas, jew direttament mis-sit tal-Karnival.

Comments


bottom of page