top of page

Jonqos l-ammont ta’ kawżi pendenti fil-Qrati u fis-settur kriminali matul is-sena li għaddiet



Wara li sar magħruf li l-ammont ta’ kawżi pendenti fil-Qrati Ċivili kompla jonqos matul is-sena li għaddiet, statistika uffiċjali għas-sena 2017 turi li anke fil-Qrati Kriminali kien hemm tnaqqis fl-ammont ta’ kawżi pendenti.

Fil-fatt, l-istatistika turi li l-ammont ta’ kawżi kriminali pendenti matul l-2017 niżel għal 13,185 jiġifieri 13 fil-mija inqas minn ħames snin ilu.

Dan seħħ peress li bħalma ġara fil-Qrati Ċivili, fil-Qrati Kriminali nqatgħu iktar kawżi milli fil-fatt daħlu. Ir-rata ta’ kemm inqatgħu kawżi telgħet għal 112%, li hi l-aqwa rata ta’ effiċjenza reġistrata fl-aħħar snin.

Din hi l-iktar rata pożittiva fl-aħħar snin, tant li sa ħames snin ilu r-rata kienet fin-negattiv għax kienu qed jinqatgħu inqas kawżi milli jidħlu.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li dawn ir-riżultati huma pożittivi għax juru li matul is-sena 2017 kompla jinżel l-ammont ta’ kawżi pendenti kemm fis-settur ċivili u kemm fis-settur kriminali. Spjega li dan jagħti iktar enerġija lill-Gvern biex ikompli bir-ritmu li qabad ta’ tibdil u ta’ riformi sabiex il-proċessi ġudizzjarji kemm fis-settur ċivili kif ukoll fis-settur kriminali jsiru iktar spediti fl-aħjar interess tal-familji u tan-negozji Maltin u Għawdxin.

bottom of page