top of page

1.3 miljun żjara fis-siti ta’ Heritage Malta matul is-sena 2017: rekord assolut



Is-sena 2017 kienet sena ta’ rekord assolut għal Heritage Malta fejn jidħlu żjarat mill-pubbliku fis-siti ta’ Heritage Malta.

Xejn inqas minn 1.3 miljun żjara ġew irrekordjati fis-siti u fil-mużewijiet ta’ Heritage Malta matul is-sena li għaddiet: l-ikbar ammont ta’ żjarat minn kemm ilha teżisti din l-aġenzija. Din tirrappreżenta żieda ta’ kważi tnax fil-mija (12%) fuq is-sena 2016 u żieda ta’ kważi sitta u għoxrin fil-mija (26%) fuq ħames snin ilu, l-2012.

Apparti minn dawn il-1.3 miljun żjarat paganti kien hemm ukoll iktar minn 3,000 ġenitur jew familjari li bbenefikaw mill-iskema li tinċentiva l-attendenza b’xejn tat-tfal akkumpanjati minn membri tal-familja fis-siti ta’ Heritage Malta.

10,000 oħra kienu anzjani li bbenefikaw mill-iskema ta’ żjarat fis-siti ta’ Heritage Malta li jkunu organizzati mill-kunsilli lokali jew minn gruppi tal-lokal, flimkien ma’ aktar minn 30,000 student tal-iskola li ġew iżuru l-mużewijiet u s-siti għal programmi edukattivi.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li dawn huma riżultati eċċellenti tal-viżjoni tal-Gvern li jkabbar l-udjenzi fis-setturi kulturali u tal-apprezzament tal-wirt storiku.

Il-Ministru sostna li l-Gvern se jkompli jaħdem biex jiddemokratizza dawn is-setturi tant importanti u kruċjali.

bottom of page