• Team Owen Bonnici

Jitlesta r-restawr tal-faċċata ta’ Palazzo Verdelin, wieħed mill-ftit binjiet fuq stil Rococo f’Malt



“Huwa essenzjali li nippreservaw il-binjiet storiċi tagħna. Dawn il-binjiet huma simbolu ewlieni tal-istorja rikka ta’ pajjiżna u aħna qegħdin nagħmlu l-għalmu tagħna biex nirnexxu fil-preservazzjoni tagħhom,” stqarr il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar it-tlestija tar-restawr ta’ Palazzo Verdelin, palazz li jagħti fuq Pjazza San Ġorġ. Hu kompla jgħid li, “dan ir-restawr qiegħed jgħin biex jittejjeb il-prodott komplut li toffri l-Belt u jkompli jwassal għal stimolu ekonomiku ġdid fiha. Dan juri biċ-ċar kemm il-kultura hija attur ekonomiku prinċipali.”

Dan ir-restawr sar biex tissewwa l-ħsara sew fil-ġebla kif ukoll fl-aperturi u l-gallarija. Kien hemm bżonn ta’ tindif tal-faċċata u nbidlu wkoll xi ġebel fil-parti ta’ fuq tal-faċċata. Ġew mibdula t-twieqi tal-ewwel sular u partijiet żgħar fil-gallarija.

Dan ix-xogħol beda f’Settembru 2017 u tlesta f’Diċembru ta’ 2017 u sar kollu mill-ħaddiema tad-Direttorat, u l-ispejjeż ġew assorbiti fl-operat ta’ kuljum.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018, Deo Debattista qal li “il-proġett ta’restrawr fuq dan il-bini huwa wirja tala-impenn li dan il-Gvern qed juri fiż-żamma ta’ dehra aħjar għall-Belt Valletta mhux biss minħabba l-avveniment uniku li huwa Valletta 2018, li se tibda fi ftit jiem biss, iżda anke għar-residenti. Bit-tlestija tax-xogħol ta’ restawr, Palazzo Verdelin se jingħaqad ma’ binjiet oħra bħal MUŻA u il-Biċċerija bħala pijunier tal-legat strutturali li se nħallu f’Beltna wara l-2018. Legat strutturali li fuq kollox se jibqa’ jitgawda minna l-Maltin u jfakkar il-ġrajjiet storiċi li tawna l-identità tagħna.”

“Dan ix-xogħol twettaq grazzi għall-ħidma kbira ta’ restawr fl-aħħar sentejn fuq palazzini, bereġ u bini ieħor fil-Belt Valletta bħala parti mill-programm ta’ titjib infrastruttrali fil-Belt Valletta mill-Fondazzjoni Valletta 2018,” stqarr iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018, Jason Micallef.

Dan il-Palazz jingħad li nbena madwar l-1650. Fl-1662 ingħata lil Jacques de Verdelin, Kavallier Franċiż tal-Ordni ta’ San Ġwann li kien in-neputi ta’ Hugues Loubenx de Verdalle li kellu numru ta’ pożizzjonijiet importanti, fosthom il-Kmandant tal-Artillerija, l-Awditur tal-kontabbiltà u Gran Kmandant. Il-Palazz huwa attribwit lill-Perit Taljan Francesco Buonamici, li xi kultant jissemma bħala l-bniedem li introduċa l-arkitettura Barokka f’Malta


#Restawr

  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436
Owen Bonnici Logo