top of page

Il-kultura Maltija esebita barra minn xtutna—il-presepju artistiku Malti issa f’Betlem



Matul is-sena l-oħra saret kompetizzjoni nazzjonali organizzata mid-Direttorat tal-Kultura u Heritage Malta sabiex jingħażel presepju artistiku bl-għan li jiġi esebit fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan. Il-presepju rebbieħ kien dak disinjat u magħmul mill-artist Għawdxi Manwel Grech u t-team tiegħu, u din is-sena se jkun qiegħed jiġi esebit f’Betlem, fi Pjazza tal-Maxtura.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li issa kollox jinsab lest sabiex il-presepju Malti jiġi esibit f’Betlem. Il-Ministru Bonnici qal li bl-għajnuna ta’ dan il-presepju isem pajjiżna u t-talent li toffri jkompli jinxtered.

Hu kompla jgħid li “b’dan il-mod qegħdin nesportaw il-kultura Maltija wkoll u qegħdin inkabbru l-profil Malti. Qegħdin inressqu l-kultura Maltija lejn komunitajiet barranin.”

Id-Direttur tal-Kultura Mario Azzopardi qal li l-presepju artistiku se jkun faċċata tad-dħul għall-knisja ta’ Santa Katarina li lejlet il-Milied tkun l-attrazzjoni ewlenija tad-dinja kollha meta ġo fiha titqaddes il-quddiesa ta’ nofsilejl.

Frank Zammit, li mingħandu oriġinat l-idea tal-presepju, awgura l-Gvern ta’ Malta, speċjalment lill-Ministru Bonnici, li qiegħed jidħol għal dawn l-inizjattivi ta’ diplomazija kulturali.

Għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm preżenti s-Segretarju Parlamentari Deo Debattista, li huwa responsabbli għall-Valletta 2018.

Huwa stmat li kull sena mat-3 miljun turist imorru Betlem. Ħafna minnhom iżuruha propju fi żmien il-Milied. Dan il-presepju Malti fih 17-il persunaġġ, li huma kollha lebsin kostum Malti, u għandu elementi u karattri Maltin, bħar-rieqed, l-għaġeb, ix-xabbatur u San Ġorġ Preca; il-presepju għandu wkoll għandu girna u luzzu.

Il-presepju artistiku se jkun qiegħed jiġi esibit mis-16 ta’ Diċembru, il-bidu tan-novena tal-Milied, sal-20 ta’ Jannar.


bottom of page