top of page

Jitlesta x-xogħol marbut mar-rilokazzjoni tal-librerija u taċ-ċentru ta’ taħriġ fil-Qorti ta’ Malta,



STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI: Jitlesta x-xogħol marbut mar-rilokazzjoni tal-librerija u taċ-ċentru ta’ taħriġ fil-Qorti ta’ Malta, b’investiment ta’ €140,000.

Il-Ministru Owen Bonnici ħabbar li tlestiet fażi oħra mix-xogħol infrastrutturali ppjanat fil-Qorti ta’ Malta, b’investiment ta’ €140,000 fil-librerija u fiċ-ċentru ta’ taħriġ, waqt żjara l-Qorti.

Il-Ministru spjega li x-xogħol infrastrutturali qed isir bil-għan li jkomplu jissaħħu l-faċilitajiet fil-Qorti għal aktar spazju lill-ġudikanti biex ikunu jistgħu jisimgħu l-kawżi, bil-għan li jitkompla jitnaqqas id-dewmien.

Ix-xogħol hu maqsum fi tliet oqsma: ix-xogħol fit-tliet awli l-ġodda li waħda minnhom diġà tlesta x-xogħol fuqha u bdew anke jinstemgħu l-kawżi fiha, ir-rilokazzjoni tal-librerija u taċ-ċentru ta’ taħriġ minflok parti mill-Arkivju Ċivili, kif ukoll l-installazzjoni ta’ lifts ġodda.

Ir-rilokazzjoni kienet essenzjali biex jibda x-xogħol fuq żewġ awli oħra li fadal isiru. Fil-fatt il-pass li jmiss hu li jingħataw it-tenders taż-żewġ awli u tal-lifts biex b’hekk ikun jista’ jibda x-xogħol fuqhom u jkun hemm faċilitajiet aħjar għall-ġudikanti, għall-professjonisti u fuq kollox għaċ-ċittadin li jagħmel użu mis-servizz tal-Qorti, qal il-Ministru Owen Bonnici.

Minbarra l-infrastruttura, dan il-gvern qed jieħu ħsieb li jsaħħaħ ukoll is-servizzi online offruti liċ-ċittadin. Il-Ministru Bonnici spjega li daħlu fis-seħħ żewġ servizzi ġodda li jistgħu jintużaw mis-sit il-ġdid tal-Qorti ecourts.gov.mt. L-ewwel servizz hu Get Mobile Notifications li permezz tiegħu wieħed jista’ jirreġistra biex jirċievi messaġġ bl-sms fuq it-telefon ċellulari kull meta jkun hemm seduta fil-Qorti relatata ma’ kawża ċivili li wieħed ikun irreġistra għaliha. Dan ikompli jibni fuq servizz li permezz tiegħu jintbagħat sms kull meta s-seduta tiġi differita ħalli ma joqgħodx imur il-Qorti għalxejn. Is-servizz l-ieħor hu My Cases li permezz tiegħu wieħed jista’ jara d-dettalji kollha tal-każ personali tiegħu meta jkun irreġistrat bħala wieħed mill-partijiet fil-kawża.

Il-Ministru Bonnici kkonkluda b’ringrazzjament lill-ħaddiema kollha tax-xogħol tagħhom f’dan il-proġett u faħħar l-inizjattiva li ħadet l-amministrazzjoni tal-Qorti sabiex tgħin lil dawk il-persuni bl-ALS permezz ta’ xiri ta’ pitturi li qed isebbħu dawn il-faċilitajiet ġodda.

Jindirizza din il-konferenza kien hemm ukoll il-Prim Imħallef Dr Silvio Camilleri li spjega li dan il-proġett infrastrutturali jindirizza t-taħriġ tal-ġudikatura - fattur ieħor importanti għall-pubbliku. Dr Camilleri spjega li l-Kumitat għall-Istudji Ġudizzjarji jorganizza taħriġ li għalih qed ikun hemm attendenza tajba għax wara kollox il-ġudikatura qiegħda hemm biex tagħti servizz lill-poplu, u t-taħriġ kontinwu hu dover tal-ġudikatura, temm jgħid il-Prim Imħallef.

bottom of page