14-il proġett jibbenefikaw minn fondi permezz tal-Iskema ta’ Finanzjament għar-Restawr
- 7 days ago
- 2 min read

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, il-Kunsill Malti għall-Arti u d-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni, ħabbru l-lista tal-proġetti li ngħataw finanzjament taħt l-Iskema ta’ Finanzjament għar-Restawr fejn 14-il proġett se jirċievu investiment totali ta’ €190,000 bħala appoġġ finanzjarju għar-restawr u l-konservazzjoni tal-wirt kulturali immobbli.
Il-fond kien miftuħ għal organizzazzjonijiet kulturali u organizzazzjonijiet volontarji li jeħtieġu appoġġ għall-konservazzjoni ta’ proprjetà kulturali interna jew esterna fi ħdan il-knejjes parrokkjali, bħal artali, aperturi, dekor arkitettoniku, induratura, kif ukoll pittura jew uċuħ dekorattivi.
Il-Ministru Owen Bonnici stqarr, “Investimenti bħall-Iskema ta’ Finanzjament għar-Restawr huma xhieda tal-importanza li nagħtu lill-wirt kulturali u artistiku tagħna. L-impenn tagħna li nsaħħu lil dawk involuti f’attivitajiet tradizzjonali u prattiki kreattivi kien parti mill-wegħda elettorali tagħna. Illum qegħdin hawn biex inkomplu nwettqu din il-wegħda b’investiment sostanzjali.”
“Permezz ta’ dawn l-iskemi u l-inizjattivi qed inkomplu nsaħħu l-infrastruttura kulturali tagħna b’mekkaniżmu aktar robust li jħares l-iżvilupp dinamiku tal-elementi kulturali u tradizzjonali kollha li jidentifikaw lill-poplu Malti”, temm jgħid Dr Bonnici.
Iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Luke Dalli qal, “Dawn il-proġetti huma xhieda ta’ kemm hu rikk u varjat il-wirt artistiku tagħna. Minn kapolavuri barokki sa espressjonijiet arkitettoniċi aktar kontemporanji, ifakkruna wkoll fir-rwol importanti li għandhom il-komunitajiet lokali u l-organizzazzjonijiet volontarji fil-ħarsien ta’ dan il-wirt. Din l-inizjattiva tirrifletti l-impenn kontinwu tal-Kunsill Malti għall-Arti biex inħarsu u nippreservaw il-wirt kulturali li jifforma parti essenzjali mill-identità tagħna bħala poplu."
Min-naħa tagħha Rita Falzon, Kap tal-Fondi fi ħdan il-Kunsill stqarret, “Din l-iskema ġiet imfassla proprjament biex twieġeb għal bżonnijiet reali li ġew identifikati fis-settur, b’mod partikolari fejn ix-xogħol ta’ konservazzjoni jeħtieġ kompetenza speċjalizzata u ppjanar għal manutenzjoni fit-tul”.
Għal aktar informazzjoni u biex tara l-proġetti kollha li ngħataw il-finanzjament, żur is-sit tal-Kunsill Malti għall-Arti fuq www.artscouncilmalta.gov.mt.









Comments