top of page

13-il wirt storiku se jibbenefikaw mill-iskema tar-restawr tal-kunsill lokali

Updated: Aug 29, 2022

Kitba meħuda mill-Orizzont (Il-Ħamis 25 ta’ Awwissu 2022) paġna numru 7.





Tlettax-il wirt storiku, li jvarjaw minn statwi, niċeċ, monumenti, kappelli, u strutturi storiċi partikolari u li jinsabu f’diversi rħula u komunitajiet se jkunu qed jibbenefikaw minn restawr permezz ta’ skema maħruġa għas-seba’ sena konsekuttiva mid-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali b’konsultazzjoni mad-Direttorat għall-Implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Politika fi ħdan id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali.


Waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn tħabbru l-lokalitajiet li se jkunu qed jibbenefikaw minn din l-iskema, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici stqarr li din l-iskema għandha l-għan li tivvalorizza l-wirt storiku li jinsab fil-komunitajiet tagħna u li tant hu għal qalb il-familji li joqogħdu fil-lokalitajiet rispettivi.


Huwa spjega li kuntrarjament għas-snin preċedenti, din is-sena ttieħdet deċiżjoni biex jiġu implimentati t-13-il proġett eliġibbli fuq perjodu ta’ sentejn u dan għaliex ġew sottomessi diversi proposti b’saħħithom li kienu jimmeritaw kunsiderazzjoni pożittiva.


“Dan il-Gvern impenjat li jkompli jwettaq inizjattivi li jħarsu l-preservazzjoni, ir-restawr, u r-riabilitazzjoni ta’ fortifikazzjonijiet u postijiet storiċi fuq bażi regolari minn diversi entitajiet fi ħdan il-ministeru,” tenna l-Ministru Bonnici.


Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret l-impenn tal-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr biex iwettqu din l-iskema.


“Permezz ta’ restawr fuq postijiet u monumenti storiċi nkunu qed nippreservaw il-wirt kulturali Malti għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna, filwaqt li ngħollu l-valur tal-lokalitajiet tagħna għar-residenti, it-turisti, u turisti lokali li jżuru dawn il-lokalitajiet,” saħqet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.


Il-kunsilli lokali li se jibbenefikaw minn din l-iskema huma: ir-Rabat, iż-Żejtun, Ħal Lija, San Ġwann, Ħaż-Żebbuġ, Ħal Kirkop, Ħal Għargħur, il-Fgura, Santa Venera, Ħal Tarxien, Marsaskala, iż-Żurrieq u x-Xgħajra.


Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm preżenti rappreżentanti mid-Direttorat tar-Restawr u mid-Direttorat għall-Implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Politika, kif ukoll is-sindki tat-13- il kunsill lokali.


Ir-restawr fuq lokalità se jkun:


1. Ir-Rabat: Il-faċċata tal-Kappella ta’ Santa Marija Madalena u l-istatwa ta’ San Pawl

2. Iż-Żejtun: Kappella ta’ San Klement;

3. Ħal Lija: Il-Knisja Parrokkjali l-Antika;

4. San Ġwann: Kappella Tal-Propostu;

5. Ħaż-Żebbuġ: Knisja tal-Madonna tad-Dawl;

6. Ħal Kirkop: Salib tad-Dejma;

7. Ħal Għargħur: 2 niċeċ dedikati lil San Bartilmew u San Pawl li jinsabu fil-pjazza ewlenija tar-raħal;

8. Il-Fgura: Statwa ddedikata lill-Madonna tal-Grazzja;

9. Santa Venera: Torri tal-ilma tal-akwadott;

10. Ħal Tarxien: Il-faċċata tal-Kappella ta’ San Ġużepp u l-binja tal-Fondazzjoni St. Jeanne Antide;

11. Marsaskala: L-istatwa ta’ San Ġwakkin;

12. Iż-Żurrieq: Niċċa ta’ San Pawl;

13. Xgħajra: Knisja ta’ San Ġakbu.



תגובות


bottom of page