top of page

1,500 student se jippartecipaw fl-iskema tal-apprendistat tal-MCAST



Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici flimkien mal-Prinċipal u l-Kap Eżekuttiv tal-MCAST il-Professur Joachim James Calleja nedew sejħa ġdida tal-MCAST għall-kumpaniji biex jikber n-numru ta’ apprentistati offruti fl-2021.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici ħabbar kif mis-sena d-dieħla, mal-1,500 apprentist se jkunu qed jipparteċipaw f’din l-iskema.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li: “Dan il-Gvern dejjem emmen li l-apprentistati huma kruċjali biex intejbu l-ħiliet li għandna bżonn fil-pajjiż sabiex nirnexxu, b’mod partikolari waqt li naħdmu lejn l-irkupru ekonomiku wara l-pandemija. Aħna ser inkomplu noffru opportunitajiet liż-żgħażagħ kollha u inċentivi lil min iħaddem. Huwa inkoraġġanti li s’issa 500 kumpanija wiegħdu l-impenn tagħhom li joffru apprentistati lill-istudenti tal-MCAST. Irridu nibqgħu naħdmu mal-industrija fuq il-ħiliet meħtieġa kemm fil-preżent kif ukoll fil-futur.”

Il-Prinċipal u l-Kap Eżekuttiv tal-MCAST, il-Professur Joachim James Calleja qal: “L-apprentistati huma mod effiċjenti biex il-kumpanji jsibu impjegati ġodda u joffru tagħlim tekniku u ħiliet oħra neċessarji fuq il-post tax-xogħol. Ir-riċerka turi li l-apprentisti jżidu l-produttività u jwasslu għal titjib fi ħdan il-kumpaniji. L-istudenti tagħna jġibu magħhom entużjażmu u innovazzjoni. L-MCAST se jkompli jippromwovi l-isforz lejn kultura ta’ work-based learning u jħeġġeġ aktar kumpaniji jipparteċipaw.”

L-MCAST joffri apprentistati f’setturi bħall-finanzi, l-amministrazzjoni tan-negozju, il-marketing, l-elettronika, l-inġinerija elettrika u mekkanika, l-agrikoltura, il-kostruzzjoni, ix-xjenza applikata, id-disinn, il-hairdressing ,u l-isport.

L-attività tat-tnedija inkludiet il-parteċipazzjoni ta’ mexxejja tan-negozju u studenti li qasmu l-esperjenza tagħhom dwar l-benefiċċji tal-apprentistat.

Dawk il-kumpaniji li huma interessati li jirreġistraw għandhom jikkuntattjaw id-dipartiment tal-MCAST għall-apprentistat fuq apprenticeships@mcast.edu.mt.



bottom of page