top of page

Żjara fuq siti li se jaraw investiment infrastrutturali f’riġenerazzjoni u restawr fl-Imtarfa



Ilbieraħ, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici, u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis żaru s-siti tal-pjazza tal-Imtarfa u tal-Clock Tower flimkien mas-Sindku tal-lokalità Daniel Attard. Hawnhekk se jkun qiegħed isir proġett ta’ riġenerazzjoni u restawr, b’investiment ta’ madwar €1.5 miljun u bil-mira li jitlesta sal-2022.


“Illum għandna Gvern li huwa ffukat b’mod dirett fuq l-infrastruttura ta’ pajjiżna, imma importanti li niftakru li għalina l-infrastruttura ma tfissirx biss toroq, anzi għandha sinifikat ħafna aktar wiesa’ minn hekk, sinifikat li jinkorpora anke l-ispazju miftuħa – ġonna, pjazez, wirt kulturali – dak kollu li jagħmel differenza fil-ħajja tan-nies. Illum qegħdin hawnhekk għax se naraw riġenerazzjoni ta’ madwar 4,000 metru kwadru, spazju sostanzjali għall-komunità tal-Imtarfa, investiment dirett fil-kwalità tal-ħajja tar-residenti,” qal il-Ministru Ian Borg.

Huwa spjega kif f’pajjiżna aħna xxurtjati li għandna sens ta’ komunità b’saħħtu u li għalhekk huwa ferm importanti li l-Gvern ikompli jaħdem favur inizjattivi bħal dawn li mhux biss isaħħu l-valur estetiku u l-kwalità tal-ispazju pubbliku innifsu, imma li jirriġeneraw wirt kulturali li jagħmilna kburin li aħna Maltin.


“Għalhekk irridu inkomplu naħdmu mal-Kunsilli Lokali u nisimgħu x’inhuma l-prijoritajiet, għax dan il-Gvern jemmen li l-Kunsilli huma l-polz tal-lokalitajiet tagħhom, li jħossu b’mod dirett il-ħtiġijiet u x-xewqat tar-residenti. U min-naħa l-oħra għandek Gvern li lest iwettaq proġetti li jaqdu dawn il-ħtiġijiet. Fuq kollox, għandek Gvern ċentrali li dejjem lest jgħin u jaħdem mal-Kunsill Lokali biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet, u biex in-nies igawdu mill-progress ekonomiku ta’ pajjiżna. Naħseb li għandna futur bi prospettivi sbieħ quddiemna għax nemmen li għandna ħafna nies kapaċi li lesti jaħdmu bis-sħiħ għall-komunitajiet tagħna, u għalhekk inħares ‘il quddiem għal aktar ħidma u kollaborazzjoni favur kwalità tal-ħajja dejjem aħjar,” għalaq il-Ministru Borg.


Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli fissret kif il-proġett tat-torri tal-arloġġ u ċ-ċentru kulturali reġjonali, li se jsir b’investiment addizzjonali ta’ madwar €0.5 miljun ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea, huwa eżempju tajjeb tas-suċċess li għamlet Malta mis-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea.


Lil hinn mill-proġetti infrastrutturali kbar li twettqu bl-għajnuna tal-fondi Ewropej, dan il-proġett huwa eżempju ta’ kif qed inwasslu l-fondi Ewropej fil-komunitajiet tal-irħula u l-ibliet tagħna. Mhux b’kumbinazzjoni, iżda permezz ta’ Kunsilli proattivi li għarfu l-potenzjal u ħadmu id f’id mal-entitajiet bħall-MEUSAC biex ibbenefikaw mill-opportunitajiet li kellhom, liema entitajiet kienu strumentali biex ma jintbagħatx ċenteżmu lura lejn Brussell.


“L-istrateġija tagħna tara li ssaħħaħ il-wirt lokali tagħna speċjalment minħabba li din tifforma parti intrinsika mill-identità tagħna. L-istorja vasta tagħna ffurmatna bħala komunità u permezz ta’ dawn l-inizjattivi qegħdin niżguraw aktar aċċessibilità lejn il-wirt tanġibbli, speċjalment għal ġenerazzjonijiet futuri,” qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici. Huwa rrefera wkoll għad-Direttorat tar-Restawr li jaqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali  u li attwalment qiegħed jaħdem fuq 71 proġett ta’ restawr fl-sitess ħin u hu faħħar din l-inizjattiva li jiġi restawrat dan il-monument ikoniku fl-Imtarfa bl-għajnuna ta’ fondi Ewropej.


Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis qal li dan il-Gvern jemmen bis-serjetà fil-governenza lokali. Fil-fatt ir-riforma tal-Gvern Lokali se ssaħħaħ kemm lill-Kunsilli Reġjonali kif ukoll dawk Lokali u li taħdem fuq kollox fil-qasam soċjali biex b’hekk ebda persuna ma tiċċaħħad mill-opportunitajiet jew mis-servizzi offruti, li l-kwalità tal-ħajja titjieb, inkluż tal-anzjani u tal-persuni b’diżabilità, u jitjiebu u jiżdiedu l-attivitajiet u l-inizjattivi li jippromwovu l-kultura, l-isport u l-edukazzjoni, biex b’hekk ħadd ma jkun eskluż. Is-Segretarju Parlamentari Parnis qal li l-inizjattiva tal-lum hija eżempju ċar ieħor ta’ kemm il-Kunsilli Lokali huma importanti għal-lokalitajiet tal-pajjiżna.


Is-Sindku tal-Imtarfa Daniel Attard qal li dan kollu huwa xhieda ta’ kunsill magħqud li ġab ir-riżultati u kiseb suċċess għal kulħadd, suċċess li mhux dovut biss għall-proġetti li twettqu sa issa bħal dak tal-bandli, tal-bosk, tal-librerija u tat-toroq li lkoll saru bl-għajnuna tal-gvern ċentrali, iżda frott il-legat b’saħħtu li se jħalli għal-leġiżlatura li jmiss, leġiżlatura li se tibda b’dan l-akbar proġett u investiment bla preċedent fl-Imtarfa li se jkompli jiġġenera l-ekonomija lokali waqt li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti kollha.



bottom of page