top of page

Żewġ produzzjonijiet teatrali mit-tenur ta’ fama mondjali José Cura f’pajjiżna


Kitba meħuda mill-Orizzont (It-Tlieta 27 ta’ Settembru 2022) paġna numru 8.




Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar żewġ kunċerti f’pajjiżna mit-tenur ta’ fama mondjali Jose` Cura.


L-ewwel kunċert se jkun nhar il-ġadd 2 ta’ Ottubru fis-07:30 p.m. fit-Teatru Manoel, il-Belt Valletta.


Il-qofol ta’ dan il-kunċert ta’ Cura f’Malta se tkun kompożizzjoniji tiegħu stess - ċiklu ta’ kanzunetti bbażat fuq is-sunetti ta’ wieħed mill-aktar poeti influwenzjali tas-seklu 20, Pablo Neruda. Miktuba bejn l-15 u l-2006, ‘Si muero, sobrevtveme!’ (If I die, survive me!) se tinvolvi wkoll l-attriċi rinomata Maltija -Jane Marshall li se tagħti l-ħajja lill-karattru ta’ mart Neruda Matilde Urrutia.


Apparti l-kunċert ta’ Ottubru, tħabbar ukoll li Cura se jirritorna f’Marzu 2023 fit-Teatru Manoel fejn se tkun qed tittella’ produzzjoni ġdida maħluqa għat-Teatru Manoel tal-opra Tosca ta’ Giacomo Puccini.


Il-Ministru Owen Bonnici aċċenna l-importanza ta’ inizjattivi ta’ dan it-tip, għaliex ipoġġu t-teatru fuq quddiem.


“Għalhekk huwa ta’ min ifaħħar dawn iż-żewġ kunċerti, hekk kif dan hu perfettament konformi mal-isforzi tagħna bħala Gvern li nkomplu ninvestu f’din il-forma ta’ teatru, li hi tant maħbuba u apprezzata,” Dr Bonnici temm jgħid.


Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Catherine Tabone tkellmet dwar l-importanza ta’ inizjattivi bbażati fuq kollaborazzjonijiet internazzjonali.” Dawn huma parti essenzjali mill-Programm Kulturali tal-Aġenzija, li jenfasizza l-kwalità u kif ukoll l-aċċessibbiltà għal udjenza wiesgħa,” qalet Tabone. Il-cast jinkludi lil Tania Ivanova fir-rwol ewlieni, Carlos Almaguer fir-rwol ta’ Scarpia flimkien ma’ wħud mill-aqwa kantanti tal-opra Maltin u KorMalta. It-Tosca se tittella’ bil-parteċipazzjoni tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta taħt id-direzzjoni ta’ Mario De Rose.


Dawn iż-żewġ proġetti qed isiru bħala kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u t-Teatru Manoel.


Il-biljetti jistgħu jinxtraw minn teatrumanoel.com.mt


bottom of page