top of page
Open Site Navigation

“Żejt iż-Żejtun” Festa Folkloristika bejn l-24 u 25 ta’ Settembru fiċ-ċentru taż-Żejtun

Kitba meħuda mill-Orizzont (It-Tnejn 19 ta’ Settembru 2022) paġna numru 14.




“ Żejt iż-Żejtun” hija ċ-ċelebrazzjoni folkloristika fi żmien li jinġabar iż-żebbuġ kemm għas-salmura kif ukoll għall-għasir. Din se ssir fiċ-Ċentru taż-Żejtun is-Sibt 24 ta’ Settembru mis-7.30 p.m. ’l quddiem u l-Ħadd 25 ta’ Settembru sa nofsinhar.


L-isem Żejtun ifisser “frott is-siġar taż-żebbuġ” u l-Kunsill Lokali taż-Żejtun qiegħed għas-16-il darba jniedi din il-festa folkloristika biex ikompli jkabbar l-interess kemm fil-kultivazzjoni tas-siġra kif ukoll fiż-żejt bnin taż-żebbuġa.


Dan l-avveniment jiftaħ is-Sibt fis-7.30 p.m. bil-ħruġ tad-defilè tal-Granmastru akkumpanjat mit-tnabar, daqqaqa, żeffiena u l-miġemgħa tar-raħħala jġorru ż-żebbuġ lejn iz-zuntier tal-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katarina V.M. Wara li jinqara l-bandu jitbierku l-qfief biż-żebbuġ mad-daqq tal-moti ferrieħa tal-qniepen. Dan l-avveniment ikompli bi preżentazzjoni dwar il-varjetà tas-siġra taż-żebbug. Fuq dan il-post se jsir l-għasir taż-żebbuġ u se jkun servut żejt frisk mal-ftajjar mħawwra biż-żebbuġ. Minbarra żejt pur, ikun hemm għall-bejgħ qagħaq tal-għasel, pudina tal-ħobż Malti, qassatat, ġulepp tal-ħarrub u kotba b’riċetti speċjali ibbażati fuq iż-żejt taż-żebbuġa. Dan kollu se jseħħ f’atmosfera ta’ festa b’għana u żfin folkloristiku, snajja u artiġjanat Malti u ser ikun hemm ukoll għall-bejgħ siġar taż-żebbuġ u prodotti agrikoli. Din is-sena wkoll se jipparteċipaw għaxar pajjiżi barranin bħala parti mill-Festival Internazzjonali Folkloristiku. Matul din l-attività, il-Knisja Parrokjali Santa Katerina V.M, l-Oratorju, l-Karnirja u s-Sala Parrokjali, fejn hemm esebit il-kwadru famuż ta’ qtugħ ir-ras ta’ Santa Katerina, li għandu konnessjoni mal-‘Caravaggio’ se jkun miftuħ għall-pubbliku. Jistgħu jsiru żjajar ukoll fil-Pandora, fil-każini tal-baned Żejtun u Beland b’wirjiet interessanti relatati maż-Żejtun. Din is-sena qed niċċelebraw ukoll il-225 sena li ż-Żejtun ħa t-titlu ta’ Citta’ Beland mill-Granmastru Ferdinand von Hompesch. Din il-festa tkompli l-Ħadd filgħodu fejn isir it-tberik tal-annimali fejn il-Knisja ta’ San Girgor.



4 views
bottom of page