Is-sur magħruf bħala l-Marina Curtain, li jinsab wara l-Knisja Ta’ Liesse fil-Belt Valletta, qed jiġi restawrat mid-Direttorat tar-Restawr. Dan is-sur jifforma parti mill-bini oriġinali tal-Belt Valletta ddisinjat minn Francesco Laparelli fis-sena 1566.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici waqt konferenza tal-aħbarijiet, fejn ġie spjegat ukoll li x-xogħlijiet qed isiru b’investiment ta’ €330,000 u jkopru medda ta’ madwar 3000 metru kwadru ta’ swar. Dawn ix-xogħlijiet, li bdew f’Ottubru 2022, mistennija li jitlestew din is-sena stess.
Il-Ministru Owen Bonnici sostna li inizjattivi ta’ dan it-tip qed iservu ta’ opportunità sabiex jitħares il-wirt nazzjonali li jsawwar l-identità tagħna bħala poplu. “Dan ir-restawr huwa parti mill-istrateġija kulturali tagħna b’mod li l-wirt tagħna jkun aktar aċċessibbli, kif ukoll qed inġibu lura sit storiku sabiex ikun jista’ jiġi ammirat aħjar mill-pubbliku u mit-turisti,” tenna l-Ministru Bonnici.
Il-Perit Chanelle Busuttil mid-Direttorat tar-Restawr spjegat kif ix-xogħlijiet ta’ restawr li qed isiru bħalissa jikkonsistu f’tindif, tikħil mill-ġdid tal-fili, tiswija tal-ġebla b’tikħil addattat u restawr tal-ħitan. Spjegat ukoll li x-xogħlijiet huma maqsuma f’tliet fażijiet li jinkludu s-sostituzzjoni tal-qoxra tal-ġebla fejn din ġiet nieqsa, it-tiswija tal-qoxra tal-ġebla eżistenti u l-konsolidazzjoni tal-blat permezz ta’ rock bolting u shotcrete.
Comments