Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici żar il-proġett ta’ restawr li jinsab għaddej fuq il-Kappella tal-Madonna tad-Dawl, f’Ħaż-Żebbuġ. Din il-kappella hija waħda mit-tlettax-il proġett li bbenefikaw mill-iskema ta’ restawr għall-Kunsilli Lokali 2022.
Ix-xogħol fuq dan il-proġett, propost mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ, beda x-xahar li għadda. Ix-xogħol kollu involut qiegħed isir mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni.
Il-Ministru Bonnici tenna li dawn il-proġetti ta’ restawr fi ħdan id-diversi komunitajiet huma milqugħa u apprezzati ħafna mir-residenti. Kompla jispjega li l-proġetti li tlestew matul is-snin bħala parti mill-iskema jvarjaw fin-natura u l-iskala - minn proġetti żgħar bħal restawr ta’ slaleb jew statwi tradizzjonali sa oħrajn ta’ skala medja li jinvolvu restawr ta’ bini storiku u monumenti li jmorru lura għal żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann.
“Il-Gvern huwa impenjat li jħares u jirrestawra l-wirt arkitettoniku tagħna bil-ħsieb li jgħaddih għat-tgawdija tal-ġenerazzjonijiet futuri tagħna,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Il-Perit responsabbli mix-xogħlijiet, Audrey Ann Bonnici, min-naħa tagħha spjegat li x-xogħol ta’ restawr jinkludi t-tindif tal-faċċata u tal-kampnar mill-ħmieġ u qoxra sewdiena li akkumulaw maż-żmien, tikħil ta’ fili, tibdil ta’ ġebel deterjorat, tiswija ta’ xquq minn fejn kien qiegħed jinfiltra l-ilma fil-kampnar, tiswija strutturali tal-blajjet, rikostruzzjoni ta’ partijiet neqsin jew deterjorati u restawr tal-aperturi, fost interventi oħra.
Il-Kappella ddedikata lill-Madonna tad-Dawl hija waħda mill-eqdem kappelli li nsibu ġewwa Ħaż-Żebbuġ u kienet mibnija fl-1736. Fil-gwerra, il-kappella ġarrbet diversi ħsarat, speċjalment fil-kampnar. Il-ħsara tranġat mill-ewwel biex b’hekk il-kappella setgħet tkompli tintuża.
Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll is-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ Mark Camilleri u l-Arċipriet Fr Albert Buhagiar.
Comments