top of page

Xogħlijiet ta’ tindif u konsolidazzjoni fil-Forti Delimara


Fil-Forti Delimara qed isiru xogħlijiet ta’ tindif u konsolidazzjoni li mhux biss qed isebbħu d-dehra tiegħu, iżda qed jagħtu lura l-aċċessibbiltà għal partijiet ewlenin tiegħu wkoll.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici żar il-Forti Delimara biex jara l-progress li sar sa issa. Huwa ddawwar mal-post mill-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit u uffiċjali għoljin oħra tal-aġenzija.


Matul din l-aħħar sena saret ħidma estensiva fil-forti, anke bl-għajnuna ta’ għaqdiet u organizzazzjonijiet oħra. Fost xogħol ieħor tnaddfu l-partijiet sotterranji kif ukoll il-pjazza prinċipali. Tneħħew ukoll diversi strutturi aljeni li kienu ġew introdotti meta l-forti kien jintuża bħala razzett snin ilu u li wħud minnhom kienu perikolużi.


Heritage Malta ħadet ħsieb ukoll li fil-forti tiġi installata sistema ġdida ta’ dawl u ilma, filwaqt li qed tissaħħaħ is-sistema ta’ sigurtà madwaru.


Il-Ministru Bonnici esprima apprezzament kbir għall-isforzi ta’ Heritage Malta biex il-forti jingħata lura d-dinjità li jixraqlu. Huwa qal li l-gvern kommess li jkompli jwettaq inizjattivi li jħarsu l-preservazzjoni, ir-restawr, u r-riabilitazzjoni ta’ fortifikazzjonijiet u postijiet storiċi fuq bażi regolari.


Żied jgħid li din hija ħolqa oħra minn ħidma sħiħa li twassal biex tingħata tifsira ġdida tal-aċċessibbiltà għall-patrimonju tagħna.


Noel Zammit qal li x-xogħol li sar sa issa fil-Forti Delimara ser iwassal għall-aħjar żamma tal-forti. Filwaqt li sostna li fadal ħafna xogħol xi jsir, huwa qal li l-pubbliku huwa għatxan għal siti bi storja militari, kif tixhed il-konkorrenza inkoraġġanti kull meta l-Forti Delimara jinfetaħ għal ġurnata ta’ żjarat gwidati.


Il-Forti Delimara nbena bejn l-1876 u l-1878 biex iħares il-kosta tan-naħa tal-port ta’ Marsaxlokk u huwa eżempju klassiku ta’ fortifikazzjoni kostali Vittorjana. Fost attrazzjonijiet oħra, fil-forti wieħed għadu jista’ jara erba’ kanuni ta’ 38 tunnellata mis-sitta li kien hemm meta l-forti kien jintuża għal skop militari. Dawn huma l-uniċi kanuni tax-xorta tagħhom li għadhom jeżistu fid-dinja kollha fuq il-karrijiet u fil-post oriġinali tagħhom. Il-forti baqa’ operattiv sal-1956. Aktar tard intuża bħala razzett għal aktar minn 25 sena, sakemm għadda taħt il-ħarsien ta’ Heritage Malta fl-2005.







Comentários


bottom of page