top of page

Wirja fil-Parlament Ewropew f’Brussell li tiċċelebra l-Festa Maltija




 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici flimkien mal-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba nedew wirja fi Brussell li tiċċelebra l-Festa Maltija u dan wara li l-istess festa Maltija ġiet rikonoxxuta uffiċjalment bħala Wirt Intanġibbli tal-Umanità mill-UNESCO.

 

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici spjega li 14-il soċjetà marbuta mal-festa Maltija qed jipparteċipaw f’din il-wirja. Huwa tenna li l-Festa hija parti tanġibbli mill-kultura ta’ pajjiżna.  

 

“Kull lokalità f’Malta u Għawdex tiċċelebra l-festa tal-patrun tagħha, kemm biċ-ċelebrazzjonijiet interni, kif ukoll b’dawk esterni fosthom bin-nar tal-art u l-ajru, il-banda tradizzjonali, il-purċissjoni bil-vara titulari, u ħafna tradizzjonijiet oħra li jagħmlu parti mill-Festa tagħna. Dan huwa wirt li writnieh minn missirijietna, frott ġenerazzjonijiet sħaħ, u kommessi li nkomplu nippromwovu din l-espressjoni kulturali tant sabiħa mhux biss fi xtutna imma anke barra minn xtutna,” sostna l-Ministru Bonnici.

 

Huwa żied jgħid li l-fatt li l-wirja qed tittella’ fil-Parlament Ewropew, u għalhekk f’waħda mill-iktar istituzzjonijiet sinjifikanti fl-isfera Ewropea u lil hinn, hija ta’ prestiġju kbir għal numru kbir ta’ voluntiera li jaħdmu b’tant passjoni.  “Bl-għajnuna tal-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba issa dawn l-aspetti sbieħ tal-festa Maltija qed jiġu apprezzati wkoll minn kull min jaqdi d-doveri tiegħu fi ħdan dan il-Parlament,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

 

Min-naħa tiegħu, il-Viċi President tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi u Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba qal li l-esebizzjoni li qed tittella' fil-Parlament Ewropew hija waħda li tesponi x-xogħol mirqum li jagħmlu l-artisti Maltin fil-festa li hija parti integrali mit-tradizzjonijiet u l-identità ta’ pajjiżna.

 

“Huwa ta' sodisfazzjon li kelli l-opportunità li f'din l-ogħla istituzzjoni demokratika Ewropea nuru x’għandu x’joffri pajjiżna. Irrid fuq kollox nirringrazzja lill-voluntiera kollha li jagħmlu xogħol daqstant sabiħ matul is-sena kollha biex ipaxxu lilna u lil dawk kollha li jżuru l-ibliet u l-irħula tagħna,” sostna l-Ewro-Parlamentari Alex Agius Saliba.

 

F’din il-wirja qed jiġu esposti bandalori li juru emblemi u ritratti mill-folklor u l-istorja tagħna, bħas-Salib ta’ Malta, elementi mill-Ordni tal-Kavallieri, u oġġetti ta’ valur tradizzjonali oħra.   Hemm ukoll żewġ screens armati li fuqhom se jidhru ftit mumenti mill-Festa Maltija. Din il-wirja, li hija mtella’ mid-Direttur Artistiku Antoine Farrugia, se toffri esperjenza daqslikieku wieħed qiegħed jimxi minn triq tar-raħal jew belt imżejna għall-festa.

 

Din il-wirja qed tittella’ fil-Parlament Ewropew f’Brussell mis-6 sal-11 ta’ Marzu 2024.

 

Ritratti: MHAL

 


 


 

bottom of page