top of page

Viżjoni Malta 2050: Diskussjoni dwar il-futur tal-wirt kulturali Malti

ree

 

Fil-Mużew Marittimu ta’ Malta ttellgħet konferenza dwar il-preżent u l-futur tal-wirt kulturali Malti bħala parti mill-proċess nazzjonali ta’ konsultazzjoni Viżjoni Malta 2050.

 

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li l-wirt storiku ta’ pajjiżna huwa kruċjali mhux biss aħna u nħarsulejn il-passat, imma anke meta niġu biex inħarsu lejn il-futur. “Il-wirt storiku ta’ pajjiżna hu rilevanti llum iktar minn qatt qabel. Fil-fatt, aktar minn 1.6 miljun viżitatur għażlu li jesperjenzaw il-wirt storiku li qiegħed miżmum minn Heritage Malta fl-2024 – riżultat mill-isbaħ li jixhed kemm Malta qed tkompli tiġbed interess bil-valur kulturali uniku tagħha.”

 

Fil-fatt din iċ-ċifra ta’ 1,642,328 viżitatur li ħallas biex jidħol fis-siti ta’ Heritage Malta tfisser żieda ta’ 291,511 meta mqabbel mal-2023. Din iċ-ċifra hija dik marbuta ma’ żjajjar fis-siti ta’ Heritage Malta u teskludi żjajjar f’siti oħra li mhumiex dawk li tieħu ħsieb Heritage Malta.

 

Il-Ministru qal li b’investiment kontinwu f’konservazzjoni, restawr u sigurtà, qed jiżguraw li dan il-patrimonju jibqa’ ħaj u aċċessibbli għal kulħadd. “Huwa dan il-patrimonju storiku li jagħtina l-identità ta’ aħna min aħna,” qal Dr Bonnici.

 

Il-Ministru Bonnici semma wkoll il-ħtieġa li nieħdu ħsieb il-lingwa tagħna u faħħar l-iskema ta’ appoġġ li għadha kif ġiet imnedija mill-Kunsill Malti għall-Arti li tinċentiva d-daqq ta’ mużika Maltija fuq stazzjonijiet tar-radju privati. “Dan biex tippromwovi l-mużika lokali, b’enfasi fuq xogħlijiet bil-lingwa Maltija u maħluqa minn artisti Maltin,” spjega l-Ministru Bonnici.

 

Il-Ministru temm jgħid li l-Viżjoni Malta 2050 hija bbażata fuq il-preservazzjoni tal-wirt kulturali, li tirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu rrispettati u protetti l-identità unika u l-wirt storiku ta’ pajjiżna.

 

Is-Segretarju Permanenti fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Ronald Mizzi, spjega kif “il-qafas tal-Viżjoni Malta 2050 huwa mibni fuq dikjarazzjoni ċara lejn il-wirt kulturali, hekk kif jirreferi għal nazzjon sikur u reżiljenti, ispirat mill-wirt tiegħu u mmexxi mill-progress, li jippromovi kwalità ta’ ħajja sana għal kulħadd. Din il-konsultazzjoni pubblika għaddejja b’ritmu tajjeb hekk kif nixtiequ li kulħadd ikollu sehem, speċjalment fejn jidħol il-wirt kulturali, li lkoll nipparteċipawfih b’xi mod jew ieħor, kemm jekk hi l-festa, il-binjiet reliġjużi, il-Karnival, il-mużika u l-ikel Malti, siti storiċi u saħansitra l-lingwa Maltija,” qal is-Segretarju Permanenti Mizzi.

 

Il-qofol tas-serata kien djalogu pubbliku moderat minn Jackie Mercieca, li mexxiet diskussjoni ma’ panel magħmul mill-Perit Veronica Micallef f’isem Heritage Malta, il-President ta’ Din L-Art Ħelwa Patrick Calleja, il-Professur Michael Spagnol, u l-AstrofiżikuKris Zarb Adami.

 

Il-lingwa Maltija, il-ħarsien tal-patrimonju, l-aċċessibiltà, is-sehem tal-komunità fil-protezzjoni u l-promozzjoni tal-wirt kulturali kienu wħud mit-temi diskussi fil-konferenza.

 

Il-konsultazzjoni b’rabta mal-Viżjoni Malta 2050 hija miftuħa sad-9 ta’ Settembru: www.envision2050.gov.mt.


 
 
 

Comments


bottom of page