top of page

Viżjoni Malta 2050: Diskussjoni dwar il-futur tal-festa Maltija

 


ree

 

Ilbieraħ, fit-Teatru Manoel ittellgħet it-tieni konferenza dwar il-futur tal-festa Maltija bil-għan li jiġu ġġenerati ħsibijiet u jkun hemm involviment ċiviku dwar il-futur tal-festa fil-gżejjer tagħna.

 

L-ewwel konferenza ttellgħet is-sena li għaddiet bħala parti mill-programm Fuq il-Festa, inizjattiva li kienet tiċċelebra l-għoti tat-titlu ta’ Wirt Intanġibbli tal-Umanità mill-UNESCO. Din is-sena, il-konferenza ġiet organizzata bħala parti mill-proċess nazzjonali ta’ konsultazzjoni Viżjoni Malta 2050.

 

L-avveniment ġab flimkien mexxejja komunitarji, artisti, żgħażagħ, dawk li jfasslu l-politika u dilettanti tal-festi sabiex jiddiskutu flimkien kif dan il-wirt tant għażiż jista’ jissaħħaħ u jkompli jgħix fis-snin li ġejjin – b’mod sostenibbli, inklużiv u kontemporanju.

 

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici f’intervent li għamel saħaq fuq l-importanza li kulħadd jagħti sehem fil-konsultazzjoni u fuq ir-responsabbiltà li jġib miegħu l-istatus ta’ Wirt Intanġibbli tal-Umanità tal-UNESCO li għandha l-festa Maltija.

 

“Il-festa, apparti li hija ta’ Malta kollha, issa hija wkoll wirt intanġibbli tad-dinja kollha. Għalhekk irridu niċċelebrawha, nipproteġuha flimkien u naraw li tkompli tikber u timxi ’l quddiem,” qal il-Ministru Bonnici.

 

Is-Segretarju Permanenti fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Ronald Mizzi, tkellem dwar il-Viżjoni Malta 2050 u dwar ir-rwol kruċjali li għandu kull ċittadin biex jifforma l-politika kulturali fit-tul. Huwa spjega kif il-kultura, it-tradizzjonijiet u l-festi għandhom post kruċjali f’din il-viżjoni.

 

“B’għajnejna lejn l-2050, irridu nkunu ċerti li l-festa – bħalma jiġri b’diversi aspetti oħra tal-kultura tagħna – mhux biss tibqa’, imma tikber, tiġġedded u tkompli tgħaqqad lill-Maltin kollha, f’pajjiż li jħaddan l-għeruq tiegħu waqt li jħares b’kuraġġ lejn il-futur; nazzjon ispirat mill-wirt tiegħu, immexxi mill-progress, li jippromwovi kwalità ta’ ħajja sana għal kulħadd,” stqarr is-Sur Mizzi.

 

Il-qofol tas-serata kien djalogu pubbliku moderat mill-ġurnalist Mark Laurence Zammit, li mexxa diskussjoni vivaċi ma’ panel magħmul minn Dr Noel Camilleri – President, Għaqda Każini tal-Banda; Graziella Vella – President taż-Żgħażagħ San Filep Żebbuġ u teżoriera tal-każin; Prof. Norbert Bugeja – poeta, ħassieb u akkademiku; u Dr Ivan Piccinino – President, Kings Own.

 

Id-diskussjoni daret madwar suġġetti bħall-volontarjat, l-isfida marbuta mal-ispejjeż, l-involviment taż-żgħażagħ, l-inklużjoni, ir-rwol tal-fidi u l-ħajja tal-festa fl-era diġitali u dik tal-intelliġenza artifiċjali.

 

Il-konsultazzjoni hija miftuħa sad-9 ta’ Settembru: www.envision2050.gov.mt.

 



 

 
 
 

Comments


bottom of page