Il-EUNIC Malta Film Festival, li issa jinsab fit-tielet edizzjoni tiegħu, din is-sena se jittella’ b’kollaborazzjoni mal-EUROPRIDE Valletta 2023.
Ħdax-il membru u msieħba tal-cluster EUNIC Malta qed jieħdu sehem f’dan l-avveniment, inkluż l-ambaxxati tal-Awstrija, tar-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja, l-Olanda, Spanja, kif ukoll l-Alliance Française, il-Kunsill Malti għall-Arti, il-British Council, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea, u l-Istituto Italiano di Cultura. Għaxar screenings f’temp ta’ sebat ijiem se jinżammu fuq it-tema tal-Europride Valletta 2023, “Ugwaljanza mill-Qalb”, fi Spazju Kreattiv, il-Belt Valletta.
Waqt diskors tal-ftuħ, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li l-festival ta’ din is-sena, permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, se jġib flimkien l-arti u l-ugwaljanza, u jissimbolizza soċjetà fejn in-nies iħaddnu lil ħaddieħor, bla ebda kunsiderazzjonijiet tal-għażliet personali tagħhom. “Il-missjoni ta’ Malta hi li tikkontribwixxi lejn għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli u li tirrifletti u tagħti valur lid-diversità tal-kulturi Ewropej u l-valuri komuni permezz ta’ avvenimenti u proġetti kollaborattivi Ewropej, filwaqt li tkompli żżid l-aċċessibbiltà fi ħdan is-settur kulturali u kreattiv,” kompla jżid il-ministru.
EUNIC huwa netwerk Ewropew tal-istituzzjonijiet kulturali u ambaxxati ingaġġati f’relazzjonijiet kulturali, u tagħti ħajja lill-kollaborazzjonijiet kulturali f’aktar minn 100 pajjiż madwar id-dinja kollha, b’netwerk ta’ 136 grupp.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg qalet li dan il-festival ser iservi biex ikun hemm diskussjoni li tikkontesta l-preġudizzji waqt li jagħti vuċi lil komunità LGBTIQ+ u għandu iservi wkoll biex jippromovi s-solidarjetà u aċċettazzjoni tal-valuri tal-ugwaljanza. “Aħna nemmnu b’konvinzjoni fid-drittijiet ta’ din il-komunità u l-istejjer u l-vuċijiet tagħha jservu biex kulħadd iħaddan il-valuri u jifhem l-importanza tad-diversità u l-inklusività,” kompliet is-segretarju parlamentari.
Is-Segretarju Permanenti għall-Affarijiet Barranin Christopher Cutajar saħaq li “Id-diplomazija kulturali hija għodda importanti għat-trawwim ta' ftehim internazzjonali u għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet LGBTQ+. Id-djalogu kulturali jgħin fil-proċess ta’ integrazzjoni, li huwa imperattiv fl-istil ta' ħajja divers, iżda inklużiv tagħna. Huwa pass fid-direzzjoni t-tajba lejn il-kisba ta’ ċittadinanza attiva, fejn nies minn kull sfond u kultura jistgħu jikkontribwixxu għas-soċjetajiet tagħna fuq bażi ugwali.”
F’isem il-Kunsill Malti għall-Arti, Dr Romina Delia, Eżekuttiv tal-Internalizzazzjoni, qalet li “Fuq medda ta’ snin, numru ta’ studji tal-industrija, proġetti ta’ riċerka akkademika, rakkonti ġurnalistiċi, u testimonjanzi ta’ ħaddiema madwar id-dinja kollha indikaw il-firxa tal-inugwaljanza, diskriminazzjoni, sfruttament, u esklużjoni fl-industriji kulturali u kreattivi. Il-EUNIC Film Festival ta’ din is-sena jimmira li fiċ-ċinema ta’ Spazju Kreattiv, permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ EUROPRIDE, jipprovdi pjattaforma għal ilħna li ħafna drabi huma mxekkla jew ma jinstemgħux; ilħna li jitfgħu dawl fuq id-dinja kkulurita, diversa, u sabiħa li ngħixu fiha.”
Għal aktar informazzjoni żur Arts Council Malta (gov.mt) u Spazju Kreattiv – Malta’s Centre for Creativity, Valletta (kreattivita.org).
Ritratti: DOI/MHAL
Comentários