top of page

Tnedija tal-edizzjoni tal-Beland Music Festival għall-2019



Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Beland Music Festival li jittella’ fiż-Żejtun.


“Bħala gvern aħna impenjati biex inkomplu nżidu l-aċċessibbiltà lejn l-arti u l-kultura u f’dan il-każ dan qed isir grazzi għall-Culture Partnership Agreement, programm li qed jibbenefika minnu l-Beland Music Festival. Dan il-ftehim ta’ 3 snin mal-Kunsill Malti għall-Arti għandu l-għan li jipprovdu sostenn stabbli lill-organizzazzjonijiet li jippjanaw ’il quddiem, jikbru, jiżviluppaw u jwasslu għanjiet strateġiċi li primarjament jindirizzaw il-professjonisti u komunitajiet kreattivi,” stqarr il-Ministru Bonnici.


Dan il-festival sar wieħed mill-aktar avvenimenti mistennija għall-ftuħ tal-istaġun tas-sajf f’pajjiżna speċjalment minħabba li dejjem jattira udjenza kbira li għaliha sar rinomat.

Il-festival mifrux fuq tmiem il-ġimgħa se jinvolvi taħlita ta’ artisti rinomati flimkien ma’ artisti u ma’ ġeneri ġodda li se jipparteċipaw f’dan l-avveniment għall-ewwel darba.


Il-festival organizzat minn team ta’ voluntiera beda fl-2011 bil-mira li jkun ta’ pjattaforma għall-iżvilupp u l-promozzjoni tat-talent lokali fil-qasam mużikali, dan billi jippreżenta taħlita ta’ artisti stabbiliti ma’ dawk ġodda. Din tagħti laqta interessanti u atmosfera attraenti li tagħti opportunità lill-udjenza biex tapprezza l-firxa tat-talent mużikali f’pajjiżna.


Il-festival jibda fit-8:00pm, fejn kuljum żewġ gruppi lokali ser ikunu qed jikkompetu fit-tielet edizzjoni tal-Beland Music Contest li qed isir bis-support tal-Kunsill Malti għall-Arti u PRS for Music. L-artisti huma: Auntie’s Yellow Sofa, RiSE, Jessica Magro, Dav. Jr, Mark Anthony Batolo u Raquel.


Il-Ġimgħa 3 ta’ Mejju l-ispettaklu jibda b’show minn Klinsmann u Kersten Graham li kien rebbieħ tal-Beland Music Contest 2018 u jagħlaq bil-kunċert tant mistenni ta’ Ira Losco.

Għas-Sibt 4 ta’ Mejju t-team Beland ħejja spettaklu innovattiv bil-kollaborazzjoni tad-DJs ta’ fama mondjali Tenishia u Ruby flimkien ma’ diversi kantanti stabbiliti.


Kollox jagħlaq il-Ħadd 5 ta’ Mejju b’kunċert minn Mana Tapu, grupp ġdid li qed jagħmel suċċess kemm Malta kif ukoll internazzjonalment. 


Il-Beland Music Festival se jsir f’Misraħ is-Suq fiż-Żejtun. L-entratura hi b’donazzjoni mal-bieb.



bottom of page