top of page

Tnedija tal-80’s & 90’s Music Festival organizzat mill-Għaqda Mużikali San Leonardu ta’ Ħal Kirkop



Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici kien preżenti waqt konferenza tal-aħbarijiet għat-tnedija ta’ waħda mill-akbar attivitajiet organizzati matul dawn l-aħħar erba’ snin mill-Għaqda Mużikali San Leonardu b’risq tal-Fondazzjoni Inspire, ‘The 80’s & 90’s Music Festival’.

Apparti mis-suċċess tal-attività nnifisha, bl-organizzazzjoni għal din l-attività ammont kbir ta’ żgħażagħ jinteressaw ruħhom biex jingħaqdu mal-għaqda mużikali u jgħinu lil nies vulnerabbli.

Il-Ministru Bonnici semma li l-edukazzjoni ma tingħatax biss fil-klassi iżda anke barra mill-iskola, inklużi għaqdiet mużikali lokali li joffru tipi differenti ta’ tagħlim u żvilupp ta’ ħiliet. Dan iseħħ bis-saħħa tal-promozzjoni ta’ għaqdiet mużikali li jippromwovu l-iżvilupp tal-festi tradizzjonali u kulturali Maltin, l-arti pirotekniċi u edukazzjoni tal-mużika b’xejn lil kulħadd.

Il-Ministru Bonnici qal li, “f’dan il-każ, l-Għaqda Mużikali ta’ San Leonardu involviet tliet għalliema professjonali sabiex joffru taħriġ speċjali f’sezzjonijiet differenti li jifforma parti minn banda tipika Maltija. Apparti mill-edukazzjoni mużikali, għaqdiet mużikali joffru liż-żgħażagħ u lil membri ħafna opportunitajiet biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom permezz ta’ tagħlim informali. Żgħażagħ u membri jistgħu jkunu parti mill-organizzazzjoni ta’ attivitajiet varjati filwaqt li jkunu parti minn kumitati varjati. Barra minn hekk, huwa enfasizzat li bħala parti mill-impenn soċjali, tkun organizzata attività annwali għall-ġbir ta’ fondi għal nies fil-bżonn.’’

Tul is-snin, għaqdiet mużikali madwar Malta komplew jevolvu, kemm fil-mod tal-organizzazzjoni tal-festa u anke fl-edukazzjoni tal-mużika. Illum il-ġurnata għaqdiet mużikali għandhom settijiet professjonali tagħhom stess għall-edukazzjoni tal-mużika.

Din is-sena se tkun immarkata bħala l-ħames sena tal-festival tal-mużika li jsir f’Ħal Kirkop għal darb’ oħra b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Inspire sabiex iktar donazzjonijiet ikunu miġbura għal kawża twajba.

Ta’ min isemmi li matul dawn l-aħħar erba’ snin inġabru u ngħataw total ta’ €10,000 lill-Fondazzjoni Inspire.



bottom of page