top of page

Tnedija tad-disa’ edizzjoni ta’ ŻiguŻajg: il-Festival Internazzjonali tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażag



Tnediet uffiċjalment id-disa’ edizzjoni ta’ ŻiguŻajg: il-Festival Internazzjonali tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ. Dan il-festival popolari huwa organizzat minn Spazju Kreattiv, li jaqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja Kultura u Gvern Lokali u għandu programm imżewwaq ta’ 21 produzzjoni minn 11-il pajjiż differenti.


Fid-diskors tiegħu waqt it-tnedija, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li, “il-Festival ŻiguŻajg inħoloq biex inissel fit-tfal u ż-żgħażagħ l-imħabba għall-kreattività u l-arti. Illum għadu preċiżament dan; vetrina ta’ produzzjonijiet sbieħ u spettakli stupendi minn Malta u minn madwar id-dinja kollha, li kompla jitjieb u jissaħħaħ maż-żmien”. Il-Ministru Bonnici qal ukoll li dan kollu hu parti mill-istrateġija ta’ dan il-Gvern, li jagħmel l-arti u l-kultura aktar aċċessibbli għal kulħadd, u rringrazzja lil dawk kollha li jaħdmu biex jagħmlu dan il-festival is-suċċess li hu.


Hu u jitkellem dwar il-programm sħiħ, id-Direttur tal-Festival Daniel Azzopardi qal li, “il-programm għall-2019 se jkun fih 21 proġett u disa’ forom differenti ta’ espressjoni kreattiva. Ħames proġetti ġew ikkummissjonati apposta għall-festival, filwaqt li ħamsa oħra huma ko-produzzjonijiet ma’ entitajiet kulturali pubbliċi oħra. Dan ifisser li din l-edizzjoni se jkollha xejn inqas minn 10 premieres u ‘l fuq minn 130 artist kollaboratur.”


“Mhux hekk biss”, żied Azzopardi, “bla dubju l-festival se jżid il-valur tal-inizjattiva ŻiguŻajg Season, b’attivitajiet mifruxa fuq is-sena kollha, li għadna kif introduċejna.”


Ir-relevanza ta’ ŻiguŻajg fis-soċjetà tal-lum qiegħda kulma jmur tikber, u għaldaqstant dan il-festival mill-ġdid qed ikun fuq quddiem biex jittratta kwistjonijiet ta’ interess pubbliku. Din is-sena l-festival se jiffoka fuq temi kurrenti li jinkludu l-ambjent, il-multikulturaliżmu u l-integrazzjoni, il-bullying, l-identità sesswali, u l-irwol taż-żgħażagħ fis-soċjetà.


Rupert Cefai, Chairman tal-Fondazzjoni Kreattività, qal li, “din is-sena ŻiguŻajg se jiftaħ il-bibien tiegħu għal iktar minn 8,000 tifel u tifla tal-iskola, u se jkompli jifrex il-ħidma tiegħu f’Għawdex, sabiex ikun żgurat li t-tfal tal-iskola wkoll ikollhom l-opportunità li jassistu għall-wirjiet tal-festival”. Dan jorbot mal-programm outreach ta’ ŻiguŻajg li, minbarra attivitajiet fil-Belt Valletta u f’Għawdex, se jieħu ħsieb itella’ spettaklu li jdur fl-iskejjel kif ukoll jalloka biljetti għal gruppi ta’ minoranza.


Barra minn hekk, permezz tal-Programm tad-Delegati, professjonisti minn madwar id-dinja se jżuru Malta biex jesperjenzaw il-festival u jaqsmu ma’ xulxin l-aħjar prattiki. Dan jikkorrispondi mar-reputazzjoni internazzjonali dejjem tikber ta’ ŻiguŻajg bħala l-festival tal-arti li ma għandux jintilef minn dawk li jikkreaw xogħol għat-tfal u ż-żgħażagħ.


ŻiguŻajg se jittella’ mill-15 sal-24 ta’ Novembru 2019. Il-booking għall-festival issa huwa miftuħ. Għal aktar informazzjoni u biex tibbukkja, jekk jogħġbok żur www.ziguzajg.org.



bottom of page