Tlesta r-restawr tal-faċċata tal-Knisja Parrokkjali tat-Trinità Qaddisa fil-Marsa
- Owen Bonnici Team

- Oct 5, 2025
- 1 min read

Tlesta l-proċess ta’ restawr tal-faċċata tal-Knisja Parrokkjali tat-Trinità Qaddisa fil-Marsa, sabiex il-Knisja tkompli taqdi l-funzjoni tagħha bħala ċentru spiritwali u komunitarju għas-snin li ġejjin.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici faħħar dan il-proġett u rringrazzja lill-ħaddiema kollha li ħadmu fuq dan il-proġett. “Restawr bħal dan mhux biss jagħti ħajja ġdida lil bini storiku daqshekk prezzjuż, iżda wkoll isaħħaħ l-identità kulturali u spiritwali tal-komunità. Dan huwa investiment fil-wirt tagħna li se jibqa’ jġib frott għal ġenerazzjonijiet futuri.”
Wara li d-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni lestew is-surveys tekniċi u nkisbu l-permessi meħtieġa, ġie magħżul il-kuntrattur permezz ta’ sejħa ta’ offerti pubbliċi u beda l-proċess ta’ restawr fuq il-knisja. Ix-xogħol kien jinkludi tindif tal-faċċata kif ukoll it-tneħħija ta’ msiemer u elementi li kienu ġew miżjuda maż-żmien. Sar ukoll tikħil mill-ġdid ta’ fili bil-ġir, tibdil ta’ ġebel deterjorat u rikostruzzjoni ta’ partijiet neqsin jew bil-ħsara. Barra minn hekk, sar restawr tal-istatwi, tal-arloġġi, tal-aperturi u tal-kanċell tal-metall.
Il-Knisja Parrokkjali tat-Trinità Qaddisa fil-Marsa bdiet tinbena fl-1909 fuq disinn tal-perit Giovanni Debono u ġiet dikjarata bħala Parroċċa fl-1913. Mill-bidu nett, din il-knisja tħalliet f’idejn il-Patrijiet Kapuċċini, filwaqt li l-ispejjeż kollha tal-bini tħallsu mill-koppja Balbi. Minkejja li din il-ġawhra tal-arkitettura għandha ftit aktar minn mitt sena, kien hemm diversi elementi li kellhom bżonn attenzjoni immedjata sabiex jiġu ppreservati u b’hekk il-binja tibqa’ tintuża u titgawda minn aktar ġenerazzjonijiet fil-futur.
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm is-Sindku tal-Marsa Luke Farrugia, membri tal-Kunsill Lokali tal-Marsa u l-Kappillan Fr Pawlu Bugeja.







Comments