Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li ntemm il-proġett ta’ rinnovazzjoni tal-Prijorat ta' Navarra li sar b’investiment ta’ €1.7 miljun. Permezz ta’ dan il-proġett, is-Sala Isouard ġiet rinnovata kif ukoll inbena booking office ġdid. Sala Isouard se jkollha spazju għal-laqgħat u se tkun tista’ tintuża wkoll għal konferenzi u kunċerti fuq skala iżgħar.
Fi żjara li għamel fuq il-post, akkumpanjat miċ-Chairperson ta’ Teatru Manoel Dr Michael Grech, l-Aġent Kap Eżekuttiv Edward Zammit u d-Direttur Artistiku Adrian Mamo, il-Ministru Bonnici saħaq li t-tlestija tal-proġett tal-Prijorat ta’ Navarra huwa pass importanti għall-preservazzjoni tal-wirt kulturali u l-promozzjoni tal-arti.
“L-investiment sostanzjali ta’ €1.7 miljun juri l-impenn li għandna fit-titjib ta’ spazji kulturali. Dan il-proġett ta’ rinnovazzjoni kien importanti wkoll sabiex tingħata esperjenza aħjar lill-poplu Malti u lit-turisti,” tenna l-Ministru Bonnici.
Il-Ministru ħabbar ukoll li fil-Prijorat huwa ppjanat li tinfetaħ kafetterija u ssir l-installazzjoni ta’ sistema ta’ lift li twassal għas-sulari kollha fi ħdan it-teatru prinċipali. Huwa temm jgħid li l-inklużjoni ta’ dan il-lift se tagħmel it-teatru aċċessibbli għal kulħadd, għall-ewwel darba fl-istorja tat-teatru.
Min-naħa tiegħu, ċ-Chairperson ta’ Teatru Manoel, Dr Michael Grech, spjega kif fit-Teatru għaddejja ħidma estensiva u qed isir ristrutturar sabiex ikompli jitjieb l-operat tat-Teatru, kif ukoll titjieb l-esperjenza tal-pubbliku kif ukoll tal-artisti li jaħdmu fit-teatru.
L-Aġent Kap Eżekuttiv tat-Teatru Edward Zammit qal “Nixtiequ noffru esperjenzi varjati fil-kumpless tat-Teatru Manoel. B’din is-sala ġdida għandna spazju għal-laqgħat u konferenzi li magħhom nistgħu noffru esperjenza teatrali u għalhekk esperjenza unika. Dawn it-tip ta’ avvenimenti jistgħu jrendu aktar dħul li eventwalment jiġi investit lura fil-programm artistiku.”
l-ftuħ tal-Prijorat rinnovat jaħbat mat-tnedija tal-istaġun artistiku 2023/24 tat-teatru. L-istaġun li ġej se joffri varjetà ta’ wirjiet minn musicals bħal Grease għal l-ewwel opra ta’ Mozart, Apollo et Hycanthus. Se jkun hemm ukoll 26 produzzjoni oriġinali minn TOI TOI, oħrajn klassiċi bħall-pantomima tal-Milied, għadd ta’ kollaborazzjonijiet ma’ organizzazzjonijiet bħal ŻiguŻajg u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, proġetti fil-komunità, u ħafna aktar.
“Dan l-istaġun qed naħdmu biex inkomplu nżidu l-valur artistiku u ntejbu l-livell tal-produzzjonijiet tagħna. Għandna programm varjat li se jolqot il-gosti ta’ kulħadd minn mużika klassika għal drama bil-Malti u bl-Ingliż, żfin, u musicals, fost l-oħrajn,” qal id-Direttur Artistiku, Adrian Mamo.
Għal aktar informazzjoni dwar l-istaġun artistiku ta’ Teatru Manoel, u biex tibbukkja l-biljetti, żur teatrumanoel.mt jew żur il-Box Office fil-Prijorat ta’ Navarra.
Σχόλια