top of page

Titnieda wirja dwar il-kenn temporanju li l-Palazz tal-Inkwiżitur ta lid-Dumnikani wara l-gwerra



Fil-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu tnediet wirja li tirrakkonta l-ġrajja, twila kważi 20 sena, ta’ meta dan il-palazz offra kenn lill-patrijiet u lill-komunità tad-Dumnikani ġirien tiegħu sakemm bnew mill-ġdid il-knisja u l-kunvent tagħhom li kienu ġġarrfu fit-Tieni Gwerra Dinjija.

Il-wirja “Dumnikani fil-Palazz: Home & Temple 1942 – 1960” tirrakkonta din il-ġrajja permezz ta’ dokumenti u rakkonti rrekordjati ta’ nies li jiftakru din l-istorja sseħħ. Fost l-esebiti hemm ukoll partijiet mill-pittura li kienet iżżejjen il-koppla oriġinali tal-knisja tad-Dumnikani, li qed jinħarġu fil-pubbliku kollha flimkien għall-ewwel darba. Waħda mis-sezzjonijiet tal-wirja hija ispirata mill-festa ta’ San Duminku ċċelebrata fl-1952, wara nuqqas ta’ 13-il sena, fejn hemm esebit il-vestwarju tipiku għal waqt il-purċissjoni, bl-ilbies tal-kleru u tal-abbatini.

Fl-inawgurazzjoni tal-wirja, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici spjega li din il-wirja tixhed id-determinazzjoni kontinwa biex nibqgħu nippreservaw il-wirt nazzjonali.

“Fuq kollox, din il-wirja turi biċ-ċar li l-iskoperti huma fil-qalba tal-wirt kulturali. Din il-wirja hija xhieda ċara tax-xewqa li wieħed jesplora u jiskopri, u li l-materjali esebiti għandhom diversi rakkonti x’jgħidu”, sostna l-Ministru Bonnici.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li “Wirjiet bħal dawn isawru l-wirt kuturali Malti u huma importanti sabiex infakkru ġrajjiet li jagħmlu parti mill-istorja ta’ pajjiżna.” Is-segretarju parlamentari ħeġġet lill-pubbliku biex jattendi għal din il-wirja sabiex tkompli tiġi ppreservata il-kultura maltija għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Hija faħħret ukoll id-dedikazzjoni tal-organizzaturi tal-wirja.

Iċ-Chairman ta’ Heritage Malta Mario Cutajar qal li “Il-memorja ta’ nazzjon tkun preservata meta nfakkruha, infakkruha mhux biex nerġgħu jew nibqgħu ngħixuha, imma biex nifhmu l-kuntest, nitgħallmu minnu, u nifhmu iktar illum.”

“Din il-wirja mhix folja waħda mill-istorja tal-Birgu jew tad-Dumnikani fil-Birgu. Tiswa daqs volumi ta’ dokumentazzjoni ta’ kull xorta tal-ikraħ tal-gwerra, tat-tbatijiet umani kkawżati mill-umani. Din il-wirja hija l-istorja ta’ nazzjon li minn jaf kemm minn uliedu kellhom jinqalgħu minn għeruqhom u jfittxu l-kenn lil hinn mill-ambjent tagħhom; l-istorja tan-nazzjon Malti fit-tieni gwerra imma wkoll l-istorja tal-umanità sal-lum”, temm jgħid is-Sur Cutajar.

Patri Aaron Zahra O.P., il-Pirjol tal-Kunvent tad-Dumnikani tal-Birgu, qal li l-ġrajja li seħħet 80 sena ilu turi biċ-ċar id-determinazzjoni li wlied San Duminku kellhom biex jibqgħu mal-poplu tal-Birgu fl-iktar żminijiet diffiċli. Kieku ma kienx għad-determinazzjoni tagħhom u l-kuraġġ kbir li kellhom, kieku llum m’aħniex dak li aħna. Kien proprju l-pass għaqli ta’ dawn il-patrijiet li reġa’ xegħel il-fjamma Dumnikana fil-Birgu.

Il-wirja “Dumnikani fil-Palazz: Home & Temple 1942 – 1960” hija kollaborazzjoni bejn Heritage Malta u l-Komunità tal-Patrijiet Dumnikani tal-Birgu, bl-għajnuna tal-Arkivji Nazzjonali. Se tibqa’ miftuħa sat-8 ta’ Jannar 2023 bħala parti mill-esperjenza ta’ kull min iżur il-Palazz tal-Inkwiżitur.



bottom of page