top of page

Titnieda sejħa għall-applikazzjonijiet ta’ għajnuna għall-kunċerti ta’ mużika rock



Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, L-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici flimkien ma’ Festivals Malta nieda sejħa għall-applikazzjonijiet tal-fond Rock’N Malta. Din l-inizjattiva toffri appoġġ permezz ta’ fondi lill-organizzaturi, bands u artisti li jipproduċu kunċerti tal-ġeneru rock, kif ukoll is-sottoġeneri tiegħu. L-applikazzjonijiet huma miftuħa għall-avvenimenti li ser isiru fl-2023.

B’kollox qed jiġu allokati total ta’ €300,000 f’fondi.

“Din hija inizjattiva sabiħa sabiex nagħtu opportunità lit-talent lokali fil-kamp tar-rock jesebixxi l-ħiliet tiegħu u anke nattiraw talent barrani biex jagħti prestazzjonijiet f’pajjiżna. Fl-istess waqt se nkunu qed naħdmu id f’id mas-settur privat, promoters, artisti lokali u l-NGOs sabiex ikunu huma l-ixprun ta’ dawn il-kunċerti”, stqarr il-Ministru Owen Bonnici.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman ta’ Festivals Malta Aaron Zahra sostna li permezz ta’ Rock’N Malta, Festivals Malta ser tkompli tinvesti fil-ġeneri tal-mużika varjati li għandna f’pajjiżna. “L-għan ta’ Festivals Malta huwa li jagħti diversi opportunitajiet lill-artisti tagħna. Bħalma Festivals Malta jorganizza diversi festivals ta’ forom differenti ta’ arti u ta’ kull ġeneru mużikali, inkluż mużika bil-Malti, jazz, klassika, u aktar, b’dan il-fond qegħdin niffukaw ukoll fuq il-mużika rock u s-sottoġeneri kollha tagħha.”

Rock’N Malta ġie mwaqqaf minn Festivals Malta fl-2017. “Permezz ta’ din l-inizjattiva, li tagħmel parti mill-portafoll estensiv ta’ Festivals Malta, l-aġenzija tista’ toffri appoġġ lix-xena tal-mużika rock lokali. Tul is-snin, Rock’N Malta ospita artisti bħal Dream Theatre, Dee Snider, Steve Hackett, Krokus, u oħrajn. Kien ukoll ta’ sostenn għal diversi bands, artisti u festivals lokali oħra marbuta ma’ dan il-ġeneru tal-mużika”, qalet il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Annabelle Stivala.

L-applikazzjonijiet għall-fondi ta’ Rock’N Malta jagħlqu nhar il-Ħamis 22 ta’ Settembru, f’nofsinhar. Kull min hu interessat japplika għandu jżur is-sit www.festivals.mt għal aktar informazzjoni.








bottom of page