top of page

Titnieda r-raba’ edizzjoni tal-MICAS International Art Weekend b'The Palm Goddess for Malta

Titnieda r-raba’ edizzjoni tal-MICAS International Art Weekend bl-inawgurazzjoni ta’ ‘The Palm Goddess for Malta’



Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, nieda r-raba’ edizzjoni tal-MICAS International Art Weekend bl-inawgurazzjoni ta’ ‘The Palm Goddess for Malta’, opra ta’ arti tal-artista ta’ fama internazzjonali, Michele Oka Doner.

F’diskors waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru Bonnici ddeskriva avvenimenti bħall-MICAS International Art Weekend bħala prova tal-aspirazzjonijiet internazzjonali ta’ Malta. Huwa sostna li l-gvern huwa impenjat li joħloq programmi ta’ avvenimenti artistiċi tal-ogħla livell li jsaħħu l-kalendarju kulturali Malti u l-prodott offrut lit-turist kulturali. Żied jgħid li l-gvern huwa daqstant ieħor kommess li jinvesti f’infrastruttura kulturali ġdida, bħalma hi l-Malta International Contemporary Art Space (MICAS) li tinkludi wkoll il-ġnien tal-iskulturi.

“Dan huwa investiment sinifikanti għal pajjiżna u huwa possibbli permezz ta’ Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali, kif ukoll fondi lokali,” tenna Dr Bonnici. Huwa nnota wkoll li l-installazzjoni ta’ ‘The Palm Goddess for Malta’ fl-isfond tal-interpretazzjonijiet kontemporanji ta’ Renzo Piano tat-teatru bla saqaf, Bieb il-Belt u l-binja tal-Parlament, hija ċelebrazzjoni minnha nnifisha tal-abbiltà tal-artisti li jkunu innovattivi, kreattivi u li joħolqu kunċetti ġodda.

Iċ-Chairperson ta’ MICAS Phyllis Muscat sostniet li l-impenn sabiex MICAS tistabbilixxi ruħha bħala pjattaforma internazzjonali u dinamika għall-arti kontemporanja qed tħalli l-frott. Dan hekk kif MICAS qed tkompli tikber u tiżviluppa l-programm ta’ arti internazzjonali u l-qasam komunitarju u edukattiv tagħha. “Qegħdin inżidu l-isforzi sabiex nagħmlu l-arti kontemporanja iżjed aċċessibbli lil udjenza usa’, waqt li nespandu l-kuntatti u l-kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet internazzjonali fl-istess qasam”.

Michele Oka Doner, l-artista ċelebri b’karriera mifruxa fuq sitt deċennji, spjegat li l-iskultura tagħha turi l-aspirazzjoni u x-xewqa tal-bniedem li jkun immexxi ’l quddiem mill-espressjoni kreattiva. Qalet ukoll li l-iskultura tagħha hija ispirata wkoll mill-weraq tal-Phoenix dactylifera, palma li tikber f’Malta.

‘The Palm Goddess for Malta’ se tibqa’ aċċessibbli għall-pubbliku fi Pjazza Teatru Rjal. Eventwalment, din l-iskultura se tkun rilokata fl-MICAS Galleries meta jitlesta l-proġett.




bottom of page