Kitba meħuda mill-Orizzont (|Is-Sibt 21 ta’ Jannar 2023) paġna numru 20.
Wara l-eżitu pożittiv tal-Festival ŻiguŻajg tal-2022, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda r-raba’ edizzjoni tal-istaġun ta’ ŻiguŻajg 2022-2023, maħsub biex itella’ attivitajiet għat-tfal u għall-udjenzi żgħażagħ matul is-sena kollha. It-tfal u l-familji tagħhom se jkunu jistgħu jgawdu bosta attivitajiet imtellgħin minn individwi kreattivi lokali u internazzjonali permezz ta’ forom differenti tal-arti bħal mużika, il-film, it-teatru, l-animazzjoni diġitali, iż-żfin u rakkont ta’ stejjer.
Il-Ministru Bonnici spjega li bi 12-il proġett, 7 forom ta’ arti u aktar minn 40 artist, l-istaġun ta’ ŻiguŻajg għal din is-sena se jtella’ wħud mill-aqwa produzzjonijiet u permezz ta’ dan jippromwovi l-inklużjoni fi ħdan il-komunità tal-arti u lil hinn minnha.
“Bħal fis-snin li għaddew, ŻiguŻajg ikompli jaħdem biex jiċċelebra d-diversità u jindirizza kwistjonijiet relevanti u f’waqthom permezz tal-kreattività. F’dan il-kuntest, din is-sena qed naraw ir-ritorn tal-wirjiet fl-iskejjel, kif ukoll performances adattati għal persuni bl-awtiżmu maħsuba biex jagħmlu l-esperjenza kollha aktar inklużiva u aċċessibbli għall-pubbliku,” temm jgħid Dr Bonnici.
Rupert Cefai, iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Kreattività, tkellem dwar is-sinifikat ta’ programm bħal dan magħmul għat-tfal kif ukoll l-importanza ta’ ŻiguŻajg fil-ħajja ta’ persuna żagħżugħa. Huwa qal li “programm bħal dan jippermettilna niffukaw fuq l-iżvilupp tat-tfal u kif dan huwa essenzjali biex jingħataw l-għodod biex jipperċepixxu l-ħajja b’mod kreattiv. Aħna naraw ukoll lil uliedna bħala l-udjenza futura u l-artisti futuri u b’hekk nesponuhom għas-settur kreattiv u għal opportunitajiet għall-iżvilupp tal-karriera tagħhom.”
Id-Direttur Artistiku ta’ Spazju Kreattiv, Daniel Azzopardi, spjega li permezz tal-produzzjoni ta’ xogħol ta’ kwalità għat-tfal u għall-udjenzi żgħażagħ, ŻiguŻajg, permezz tal-programm tal-festival u tal-istaġun, qed dejjem ikompli jqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-arti u l-kultura għall-benesseri soċjali. Huwa kompla li l-fatt li l-familji jipparteċipaw f’tali attivitajiet iwassalhom biex japprezzaw aktar il-benefiċċji tal-arti fil-ħajja ta’ uliedhom. Huwa temm jgħid li jħarsu ’l quddiem sabiex jospitaw skejjel u familji għal staġun ieħor ta’ ŻiguŻajg fi Spazju Kreattiv.
Għal aktar informazzjoni, żur www.ziguzajg.org.
Comments