top of page

Titnieda l-Wirja tal-Arazzi fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann li timmarka t-tlestija ta’ proġett mifrux




Dalgħodu tnediet il-wirja ‘A Gift of Glory’, fejn qed jiġu esibiti l-Arazzi tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, li kienu rigal tal-Gran Mastru Ramon Perellos. L-esebizzjoni timmarka t-tlestija ta’ proġett ta’ konservazzjoni u restawr, mifrux fuq 16-il sena, li assigura li dawn l-arazzi jkunu ppreservati għall-ġenerazzjonijiet futuri.


Il-Ministru għal-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li dawn l-arazzi, bid-disinji dettaljati u l-kuluri rikki tagħhom, huma definizzjoni perfetta ta’ ‘Gift of Glory’ peress li jirrappreżentaw il-qofol tal-kisba artistika u kulturali, li sservi bħala tfakkira tal-qawwa tal-arti u l-kultura li jispiraw u jittrasformaw. Il-Ministru Bonnici tkellem ukoll dwar is-sinifikat turistiku u kulturali tal-wirja, u stieden lill-pubbliku Malti jżur u japprezza s-sbuħija tal-arazzi.


L-Arċisqof Charles J. Scicluna wera l-apprezzament tiegħu għal din l-inizjattiva u semma kif il-kooperazzjoni bejn l-istat u l-Knisja tħalli frott kbir. Ħeġġeġ lill-fondazzjoni biex. waqt li taħdem fuq il-preservazzjoni tant meħtieġa, tiftakar li hi responsabbli wkoll minn tempju ta’ komunità ħajja li tiċċelebra b’mod ħaj l-Ewkaristija. Żied jgħid; “Hawnhekk qed niċċelebraw glorja li ngħatat fil-passat, imma mhix glorja tal-passat, hi glorja li għandha futur u hi tagħna.”


Min-naħa tiegħu, il-President tal-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Mons. Prof. Emmanuel Agius irrimarka li l-proġett ta’ restawr u konservazzjoni, li sar b’investiment ta’ €1.3 miljun mill-fondazzjoni, taw ħajja ġdida lit-tempju straordinarju Barokk li issa trasforma ruħu f’ċelebrazzjoni unika ta’ fidi, arti u kultura. Huwa rringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-fondazzjoni għall-ħidma u d-dedikazzjoni tagħhom li kkontribwixxa għas-suċċess tal-proġett.





Is-sett ta’ arazzi kien ikkummissjonat mill-Gran Mastru tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann Ramon Perellos y Roccafull, bejn l-1697 u l-1702. Is-sett jikkonsisti f’29 biċċa li juru xeni mill-Ħajja ta’ Kristu, it-Trijonf tal-Knisja Kattolika Rumana, u t-tnax-il appostlu. Fl-2006 is-sett intbagħat il-Belġju u ġie restawrat fil-Laboratorji fir-Royal Manufacturers De Wit fil-Belġju fejn tlestew fl-2022. Il-maġġorparti tal-Arazzi għandhom qies ta’ 6.2 x 6.5m, li b’kollox għandhom firxa ta’ 750 metru kwadru, u huma l-ikbar sett antik fid-dinja.


Il-wirja se tibqa’ għaddejja sal-24 ta’ Ġunju 2023, filwaqt li l-Ħadd 7 ta’ Mejju se ssir Open Day bi dħul b’xejn biex il-pubbliku japprezza s-sbuħija ta’ dawn l-arazzi.


Waqt it-tnedija tal-wirja, ġie ffirmat ftehim bejn il-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u Alfred Mizzi Foundation fejn taw donazzjoni ta’ €250,000 għat-tisbiħ tas-Sala tal-Arazzi fil-Mużew il-Ġdid fejn is-sett ta’ 29 biċċa se jkun esibit fis-snin li ġejjin.


Il-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral, filwaqt li rringrazzjat lil kull min ikkontribwixxa lejn is-suċċess ta’ dan il-proġett, stiednet lill-pubbliku sabiex iżur din il-wirja u jesperjenza s-sbuħija ta’ dan is-sett uniku. Għal iktar informazzjoni, wieħed jista’ jċempel fuq +356 21220571 jew iżur is-sit www.stjohnscocathedral.com.









bottom of page