top of page

Titnieda l-istrateġija għas-settur kulturali sal-2025


Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-Istrateġija li tistabbilixxi l-viżjoni, il-missjoni, u l-għanijiet tal-Kunsill Malti għall-Arti għas-snin li ġejjin. Din l-istrateġija tistipula tliet temi maġġuri—‘Care Create Flourish’—li jservu bħala pont bejn l-għanijiet u l-prinċipji strateġiċi, kif ukoll l-oqsma fundamentali tal-Kunsill.


Il-Ministru Bonnici qal li “Strateġija 2025 ġiet żviluppata fi sħab ma’ numru ta’ partijiet interessati mis-setturi kulturali u kreattivi, kif ukoll membri tal-pubbliku li jgħożżu l-arti u l-kultura. Hija wkoll imfassla biex il-kultura u l-arti jikkontribwixxu għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Parteċipazzjoni aktar wiesgħa fl-arti u l-kultura twassal għal aktar innovazzjoni, involviment kulturali, legat artistiku, ċittadinanza attiva, u t-tisħiħ ġenerali tal-benesseri—u dan huwa fejn l-Istrateġija hija essenzjali.”


Albert Marshall, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, sostna li “l-importanza tad-drittijiet kulturali fil-kuntest tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli għandhom jiġu enfasizzati u jkunu direttament relatati mal-Istatus tal-Artist.” Marshall spjega wkoll li Strateġija 2025 tirrifletti diskorsi nazzjonali, Ewropej, u internazzjonali rigward il-miri tal-politika kulturali fl-aktar sens wiesgħa. “Permezz ta’ din l-Istrateġija, aħna qegħdin nadottaw approċċ miftuħ, kollaborattiv, parteċipatorju, u faċilitattiv f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kif nimplimentaw il-miżuri tagħna fis-snin li ġejjin, kif ukoll il-mod ta’ kif aħna nixtiequ nwettqu dan.”


Il-viżjoni tal-Kunsill hi li l-arti tkun fil-qalba tal-futur ta’ Malta, hekk kif inkorporat fis-sitt għanijiet strateġiċi:


• li tinvesti u trawwem espressjoni diversa artistika u kulturali;

• li tappoġġja u tippromwovi l-kundizzjonijiet li fihom is-setturi kulturali u kreattivi ta’ Malta jistgħu jiffjorixxu;

• li tippromwovi u tipprovdi għal opportunitajiet immexxija mill-komunità biex jipparteċipaw fl-arti u l-kultura;

• li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet internazzjonali kulturali ta’ Malta biex tkompli tiżviluppa skambji u kollaborazzjonijiet artistiċi internazzjonali;

• li trawwem kollaborazzjonijiet ma’ setturi differenti li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli ta’ Malta

• tiffaċilità sħab kulturali, inkluż m’organizzazzjonijiet kulturali pubbliċi sabiex tibni u ssaħħaħ il-kapaċitajiet organizzattivi.


Id-dokument tal-Istrateġija 2025 huwa disponibbli bl-Ingliż u bil-Malti fuq www.arts.council.mt






bottom of page