top of page

Titnieda l-5 edizzjoni tal-Istaġun ta’ ŻiguŻajg



 

L-Istaġun ta’ Żigużajg qed jirritorna bi programm komprensiv imfassal apposta biex jinvolvi u jispira lit-tfal u lill-udjenza żagħżugħa permezz ta’ firxa diversa ta’ attivitajiet artistiċi. Din l-inizjattiva varjata tinkludi mużika, film, teatru, xjenzi u aktar, u tiġbor fiha l-isforzi kollaborattivi ta’ persuni kreattivi internazzjonali u Maltin.

 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici spjega li dan l-istaġun ta’ ŻiguŻajg ikompli jippromwovi l-integrazzjoni u r-rispett għad-diversità. Qal li l-għan aħħari ta’ dan il-programm huwa li jikkontribwixxi għall-komunitajiet li jiċċelebraw id-diversità.

 

“Għal dan l-istaġun ġew magħżula 10 proġetti li jinkludu 5 forom ta’ arti differenti u se jinvolvu t-talent ta’ aktar minn 35 artist. Lil hinn minn ċelebrazzjoni tal-arti, l-istaġun iservi bħala pass proattiv biex titkattar l-inklussività fi ħdan il-komunità tal-arti u lil hinn minnha,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

 

Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Kreattività, Rupert Cefai, tenna kif ŻiguŻajg stabbilixxa lilu nnifsu bħala bażi għall-arti u l-kultura, li jrawwem l-udjenzi tal-futur. “Kommessi li nkomplu bil-ħidma tagħna sabiex niżguraw li s-suċċess ta’ ŻiguŻajg jkompli jikber,” tenna s-Sur Cefai.

 

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Artistiku ta’ Spazju Kreattiv, Daniel Azzopardi qal, “Kommessi li nkomplu bil-ħidma sabiex l-arti kreattiva ssir parti integrali mill-ħajja tan-nies, permezz tal-eċċellenza artistika, d-diversità kulturali u l-inklussività soċjali. L-Istaġun ta’ ŻiguŻajg ta’ din is-sena jagħti garanzija ta’ esperjenza rikka għat-tfal u għall-familji tagħhom.”

 

Għal aktar informazzjoni, żur www.ziguzajg.org.



 



 

bottom of page