Tinkiteb paġna oħra fl-istorja tat-Teatru Manoel hekk kif ġie varat l-ewwel programm kulturali tad-De Valette Chamber Orchestra
- Owen Bonnici Team

- Sep 27, 2025
- 2 min read

Ġie varat l-ewwel programm kulturali tad-De Valette Chamber Orchestra għall-istaġun 2025/2026 hekk kif ġiet stabbilita fi ħdan it-Teatru Manoel.
Id-De Valette Chamber Orchestra se tkun immexxija mill-viżjoni artistika tad-Direttur Mużikali u Concertmaster tagħha stess, Mro. Carmine Lauri, magħruf internazzjonalment u Concertmaster Emeritus tal-London Symphony Orchestra. Din l-orkestra se tiġbor fiha mużiċisti minn uħud mill-orkestri prestiġjużi minn madwar id-dinja, inklużi l-London Symphony Orchestra, l-Orchestre National de France, il-Munich Philharmonic Orchestra, ir-Royal Philharmonic Orchestra, il-WDR Symphony Orchestra Cologne, l-Oxford Philharmonic Orchestra, il-Mahler Chamber Orchestra, l-Athens State Orchestra, il-Kremerata Baltica Chamber Orchestra u n-Netherlands Chamber Orchestra Amsterdam.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal, “Qed naraw quddiema paġna oħra sabiħa tinkiteb fl-istorja tat-Teatru Manoel, fejn issa qed naraw mużiċisti minn kull rokna tad-dinja jingħaqdu f’dan it-teatru mmexxija mill-mużiċista Malti Mro. Carmine Lauri, biex jagħtu l-ħajja artistika lid-De Valette Chamber Orchestra. Din l-inizjattiva turi kif il-kultura f’pajjiżna tista’ tgħaqqad talenti internazzjonali u tqiegħed lil Malta fuq il-mappa mużikali globali, b’viżjoni, dedikazzjoni u ħidma sfiqa qed inkomplu nġibu mumenti straordinarji bħal dawn.”
Il-Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel Edward Zammit spjega l-ħidma li twettqet biex inbena dan il-kunċett li se jpoġġi lil pajjiżna fuq il-mappa internazzjonali ta’ dan il-ġeneru ddedikat għal mużika klassika. Huwa kompla jispjega li d-De Valette Chamber Orchestra għandha wkoll missjoni u viżjoni fejn se tkun qed tinvesti fi proġetti li jispiraw tfal u żgħażagħ jersqu lejn karrieri f’dan il-qasam mużikali, permezz ta’ mużiċisti ta’ fama internazzjonali li se jkunu qegħdin jagħtu numru ta’ masterclasses.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Mużikali tad-De Valette Chamber Orchestra Mro Carmine Lauri qal li dan huwa mument tassew straordinarju għalih li Malta jkollha istituzzjoni ta’ dan il-kalibru li tiġbor fiha wħud mill-aktar mużiċisti rinomati minn tant pajjiżi u orkestri prestiġjużi biex jiffurmaw id-De Valette Chamber Orchestra.
“Permezz ta’ dak li nemmnu u dak li nagħmlu bħala mużiċisti professjonali fil-karriera tagħna, aħna l-unika vuċi li tista’ verament tikkomunika ma’ kull min jattendi l-kunċerti tagħna, biex isir parti minn dan il-vjaġġ li fih imissu qalb kull semmiegħ u nkunu strument biex narrikkixxu l-ħajja tan-nies permezz tal-qawwa tal-mużika klassika,” qal Mro. Lauri.
Il-profil artistiku tad-De Valette Chamber Orchestra jitla’ għal livell aktar għoli permezz tal-ħatra taċ-ċellist Ġermaniż Maximilian Hornung bħala Artist-in-Residence, rikonoxxut bħala wieħed mill-aqwa ċellisti tal-ġenerazzjoni tiegħu.
Matul l-istaġun teatrali 2025-2026, id-De Valette Chamber Orchestra, li se tkun taħt id-direzzjoni artistika ta’ Anna Kosinska, se tkun qed ittella’ erba’ kunċerti fit-Teatru Manoel. Dawn se jkunu fl-1 ta’ Ottubru li se jkun il-kunċert uffiċjali li se jiftaħ l-istaġun teatrali tal-istess teatru, fil-25 ta’ Novembru 2025, fl-4 ta’ Frar 2026 u r-raba’ kunċert se jsir fit-12 ta’ Ġunju 2026.




Comments