top of page

Tinħareġ skema ta’ għajnuna għal preservazzjoni ta’ dgħajjes tradizzjonali



Il-portijiet ta’ Malta minn dejjem laqgħu dgħajjes tradizzjonali tal-injam, kull waħda b’karattru uniku li tirrifletti l-kultura rikka ta’ pajjiżna. Dawn id-dgħajjes – bħal-luzzu, kajjik, firilla, frejgatina, dgħajsa tal-pass, u dgħajsa tal-Latini – mhux biss jirrappreżentaw l-identità Maltija iżda wkoll jattiraw turisti minn madwar id-dinja.


Biex jiġi protett dan il-patrimonju Malti, il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali nieda l-Iskema ta’ Preservazzjoni tad-Dgħajjes Tradizzjonali, immirata biex tagħti sostenn finanzjarju lis-sidien ta’ dawn id-dgħajjes, għaż-żamma tagħhom.


Il-Ministru Owen Bonnici spjega li, “L-iskema li qed inniedu llum hija xhieda tal-impenn tagħna biex nippreservaw il-wirt marittimu ta’ pajjiżna. L-iskema tipprovdi għajnuna finanzjarja għall-manutenzjoni tad-dgħajjes tradizzjonali tal-injam sabiex jibqgħu jfakkru l-istorja kulturali rikka ta’ pajjiżna u jattiraw it-turisti.”


Il-Ministru Bonnici temm jgħid li din l-iskema, li hija konformi wkoll mar-regolamenti tal-UE, toffri mezz sostenibbli biex tiġi ppreservata aspett vitali tal-identità Maltija għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.


Min-naħa tagħha, is-Segretarju Permanenti Joyce Dimech spjegat li l-allokazzjoni totali għal din l-iskema hija ta €80,000, u kull proġett jista’ jingħata sa massimu ta’ €5,000. Din l-għajnuna finanzjarja tkopri spejjeż relatati mal-preservazzjoni u l-manutenzjoni tad-dgħajjes tradizzjonali tal-injam, inkluż tiswijiet, restawr, u manutenzjoni meħtieġa.


Għal aktar dettalji dwar l-iskema, agħfas hawn.





bottom of page