STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET
- 3 days ago
- 2 min read

Investiment ta’ aktar minn €760,000 f’xogħlijiet ta’ tisbiħ fi 11-il blokka ta’ appartamenti tal-Housing f’Ta’ Xbiex
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici ħabbar investiment ta’ €762,021 f’xogħlijiet ta’ tisbiħ fi 11-il blokka ta’ appartamenti tal-Housing f’Ta’ Xbiex, li minnhom se jibbenefikaw 91 familja.
Ix-xogħlijiet bdew fi Frar li għadda u mistennija jitlestew sal-aħħar ta' din is-sena.
Waqt żjara fuq il-post il-Ministru Bonnici qal li dan l-investiment juri l-impenn tal-Gvern biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti tal-Housing Estates u jżomm il-binjiet residenzjali f’kundizzjoni tajba.
Il-Ministru Bonnici sostna li dawn ix-xogħlijiet mhux biss isaħħu l-aspett estetiku tal-lokalità, iżda wkoll jikkontribwixxu għal ambjent aktar sigur u sostenibbli għall-familji li jgħixu f’dawn l-apartamenti.
Permezz ta’ programm iddedikat għal titjib u manutenzjoni ta’ Housing Estates, qed isiru xogħlijiet estensivi fuq il-faċċati, il-bjut u l-partijiet komuni tal-blokok residenzjali, bil-għan li jitjieb l-istat tal-binjiet u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Fost ix-xogħlijiet li qed isiru f’dawn il-Blokok f’Ta’ Xbiex hemm l-invjar u t-tindif tal-ġebel fil-faċċati, il-ftuħ tal-fili u t-tikħil, it-tiswija tal-konkos tal-gallariji, iż-żebgħa u t-tikħil, kif ukoll l-installazzjoni ta’ vent covers. Fuq il-bjut se jsir tindif ġenerali, applikazzjoni ta’ liquid membrane, tikħil u żebgħa tal-opramorti u tat-tromba tat-taraġ minn barra, organizzazzjoni tat-tankijiet tal-ilma u l-pajpijiet, kif ukoll it-tneħħija tal-asbestos fejn meħtieġ. Il-partijiet komuni se jibbenefikaw minn tikħil u żebgħa tal-ħitan u s-soqfa interni, żebgħa tar-railings tat-taraġ, tiswija jew titjib tas-sistema tad-dawl, installazzjoni ta’ intercoms ġodda fejn ikun hemm bżonn, sostituzzjoni tal-meter cupboards tal-injam b’oħrajn tal-aluminium, xogħlijiet fuq il-madum u l-irħam, kif ukoll tibdil tal-aperturi tal-komun.
Għal din iż-żjara kienu preżenti wkoll is-Segretarju Permanenti Ramon Deguara, il-Kap Eżekuttiv tal-Housing Projects Solutions Marisa Marmara, iċ-Ċermen tal-Awtorità tad-Djar Robert Ducker, u s-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Xbiex Simeon Nechev.





Comments