top of page

SkolaSajf se tiftaħ fl-1 ta’ Lulju li ġej


- Opportunità oħra għall-ġenituri biex jiktbu lil uliedhom fi SkolaSajf 

- Jissoktaw il-preparamenti għall-ftuħ taċ-childcare centres nhar il-Ġimgħa li ġej

SkolaSajf 2020 se tkun qed tiftaħ il-bibien tagħha fl-1 ta’ Lulju li ġej, jiġifieri kważi ħmistax-il ġurnata iktar kmieni milli tiftaħ is-soltu. Dan hu possibbli wara diversi preparamenti li saru fl-aħħar xhur mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi sabiex toffri l-aħjar servizz għall-familji Maltin u Għawdxin.

Sabiex tingħata kull opportunità lill-ġenituri biex japplikaw għal uliedhom biex jieħdu sehem fi SkolaSajf 2020, bejn nhar il-Ħamis 4 ta’ Ġunju u t-Tlieta 9 ta’ Ġunju 2020 l-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi se terġa’ tiftaħ l-applikazzjonijiet. Bħalma jsir kull sena, l-applikazzjonijiet se jintlaqgħu fuq il-bażi ta’ first come first served.  Biex wieħed japplika, għandu jmur fuq il-link https://services.fes.gov.mt/ jew fil-fergħat tal-MaltaPost

Fi SkolaSajf 2020 se jittieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji marbuta ma’ distanzi soċjali u iġene fost oħrajn u qed jitfasslu protokolli wara konsultazzjonijiet wiesa’.

Intant, issoktaw il-preparamenti għall-ftuħ taċ-childcare centres b’effett minn nhar il-Ġimgha li ġej, inkluż dawk li huma mmexxija mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi u dawk li jifformaw parti mill-iskema ta’ childcare b’xejn. F’dawn il-preparamenti saru taħditiet matul il-ġurnata bejn l-istakeholders ewlenin, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, u l-awtoritajiet tas-saħħa.

bottom of page