top of page

Skola Primarja ġdida fl-Imsida, b’investiment ta’ €10 miljun


Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima, żaru s-sit fejn ser tinbena l-Iskola Primarja ġdida fl-Imsida. Jakkumpanjawhom kien hemm is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Frank Fabri, il-Prinċipal tal-Kulleġġ Santa Tereża Victor Agius, il-Kap tal-Iskola Silvana Ungaro, u l-Kunsill Lokali tal-Imsida.

Dan il-proġett jinvolvi t-twaqqigħ tal-iskola eżistenti u l-bini ta’ skola kompletament ġdida fuq l-istess sit. L-Awtorità tal-Ippjanar iddeċidiet li parti mill-faċċata tal-iskola l-antika tinżamm u tkun inkorporata bħala disinn fil-binja l-ġdida.

Il-Ministru Bonnici spjega kif, “l-iskola l-ġdida se jkollha madwar 40 klassi – 26 klassi normali u għadd ta’ klassijiet oħrajn għal suġġetti speċifici bħall-iżvilupp personali u soċjali, l-arti, il-mużika, ix-xjenza, il-litteriżmu, u l-etika. L-iskola se jkollha wkoll ċentru għall-ħarsien tat-tfal, librerija pubblika u sala li se tkun tesa’ madwar 300 persuna.

“Il-librerija pubblika, is-sala kif ukoll ammont ta’ spazju rikreattiv se jkunu jistgħu jintużaw mill-komunità lokali wara l-ħinijiet tal-iskola. Id-daqs tal-iskola kollha, inklużi ż-żoni ta’ rikreazzjoni, se jkun ta’ 10,000 metru kwadru”, zied jgħid il-Ministru  Bonnici.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima saħaq li din se tkun faċilità edukattiva moderna u futuristika ppjanta b’mod speċifiku sabiex tagħti l-aqwa edukazzjoni lil uliedna. Huwa wera s-sodisfazzjoni tiegħu li fl-ippjanar ta’ din l-iskola ġew imħarsa wkoll il-ħtiġijiet tal-komunità bħall-parkeġġ, childcare centre u anke li se jiġu akkomodati għaqdiet volontarji. Huwa temm jgħid li din se tkun faċilità edukattiva li se tkun mgħammra, mhux biss sabiex toffri l-edukazzjoni formali, imma se jkollha l-għodda neċessarja sabiex tgħallem ħiliet oħra li t-tfal ikollhom bżonn fil-ħajja ta’ kuljum.

Is-Segretarju Permanenti Frank Fabri qal li, “it-tqegħid ta’ din l-ewwel ġebla tal-iskola l-ġdida tal-primarja fl-Imsida hija riżultat ta’ waħda minn numru mdaqqas ta’ deċiżjonijiet li kellna nieħdu madwar tliet snin ilu. Niftakar liċ-CEO tal-Fundazzjoni għall-Iskejjel t’Għada, is-Sur Raphael Axiaq, jitlob li jiltaqa’ miegħi b’mod urġenti kif fil-fatt għamilna biex wera t-tħassib tiegħu dwar l-istruttura tal-Iskola Primarja. Aħna rajna li jinbeda l-proċess li jwassal għal bini ta’ skola ġdida. Nirringrazzja lill-ministri Evarist Bartolo u Owen Bonniċi, lis-Sinjuri Raphael Axiaq, u Mario Gafà li mexxew jew qed imexxu l-FTS bħala eks-CEOs, u lil Neville Young, CEO attwali, lill-uffiċċjali involuti fil-ministeru, u lill-komunità tal-iskola u tal-Kulleġġ Santa Tereża li fehmu l-ħtieġa taċ-ċaqlieqa temporanja sakemm jidħlu lura f’faċilità oħra state-of-the-art.”

Il-Prinċipal tal-Kulleġġ, Victor Agius qal li, “mal-ħatra tiegħi bħala Prinċipal tal-Kulleġġ Santa Tereża, f’Awwissu tal-2013, tħassib ewlieni li kellna niffaċċjaw dakinhar kienu l-ħsarat strutturali serji u viżibbli f’ħafna postijiet ġewwa l-Iskola Primarja tal-Imsida. Grazzi għad-deċiżjoni meħuda mill-uffiċjali fit-tmun tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, l-istudenti ċkejkin Misidjani ser ikunu jistgħu jgawdu skola mill-isbaħ mgħammra bil-faċilitajiet kollha moderni, inkluż childcare centre.”

Bħala parti minn dan il-proġett se nkunu qegħdin nibnu wkoll kumpless ġdid għall-Imsida Sea Scouts, bi spazju ta’ aktar minn 500 metru kwadru fuq barra u fuq ġewwa. 

Taħt l-iskola se jkun hemm parkeġġ għall-karozzi fuq żewġ livelli li se jieħu ‘l fuq minn 100 karozza.

L-iskola l-ġdida se jkollha żewġ features innovattivi għall-iskejjel f’pajjiżna. F’din l-iskola se jiddaħħal il-kunċett ta’ ‘outdoor classroom environment’ fejn se jkun hemm spazju fuq barra fejn l-għalliema jkunu jistgħu jagħmlu ċertu lezzjonijiet fuq barra. F’dan l-ispazju se jkun hemm għamara apposta fejn it-tfal ikunu jistgħu jpoġġu f’ċirku tond. Dan l-ispazju se jkun imsaqqaf b’tinda u se jkun imdawwar b’siġar, pjanti u fjuri.

Kunċett innovattiv ieħor hu l-ħolqien ta’ ‘green wall’ fuq waħda mill-faċċati tal-iskola. Din il-faċċata se tkun miksija bi ġnien vertikali. Din l-idea se tkun estiża wkoll għall-btieħi tal-istess skola.

Dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ madwar €10 miljuni, u din l-iskola se tilqa’ fiha 500 student.



bottom of page