
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li Heritage Malta, taħt l-awspiċji tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, qed toħroġ sejħa għall-proposti għad-disinn ta’ mafkar f’ġieħ l-Avukat Karmenu Mifsud Bonnici, li kien Prim Ministru ta’ Malta mill-1984 sal-1987. Il-mafkar se jitqiegħed f’Misraħ Kastilja, il-Belt Valletta.
Il-Ministru Bonnici faħħar il-kwalitajiet ta’ Dr Mifsud Bonnici, partikolarment is-sens ta’ onestà, umiltà kbira, altruiżmu u lealtà lejn il-prinċipji li trabba u emmen fihom. Huwa qal li b’dan il-ġest il-Gvern se jkun qed jagħti rikonoxximent mistħoqq lill-ħidma ta’ dan il-politiku ġentlom rispettat mill-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, qal li Heritage Malta qed tħabbar il-ħolqien ta’ monument ieħor li se jsib postu taħt il-ħarsien tagħha, biex tibqa’ tindokrah għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. “L-aġenzija tħares ’il quddiem sabiex il-pubbliku inġenerali japprezza l-ħiliet artistiċi ta’ min se jaħdem dan il-monument, u jagħrfu li l-ogħla valur ta’ monument hu li mal-milja taż-żmien jibqa’ jqanqal il-memorja ta’ poplu sħiħ u jkun ħolqa bejn l-imgħoddi u l-preżent,” qal is-Sur Zammit
Permezz ta’ din is-sejħa, artisti li huma interessati qed jiġu mistiedna jissottomettu disinji għal skultura figurattiva tal-bronż f’ġieħ Dr Mifsud Bonnici. L-istil tal-mafkar se jitħalla f’idejn l-artist. Ix-xogħol irid jinkludi l-pedestall u xogħlijiet anċillari, inkluż id-dawl. In-nefqa komplessiva indikata għad-disinn u l-bini tal-mafkar hija ta’ madwar €150,000.
Se tiġi appuntata ġurija biex tevalwa l-proġetti sottomessi u r-rendikont tal-ispejjeż ma’ kull sottomissjoni. It-tagħrif kollu jista’ jitniżżel minn https://heritagemalta.mt/public-calls/.
Dr Karmenu Mifsud Bonnici twieled Bormla fis-17 ta’ Lulju 1933. Il-professjoni tiegħu kienet dik ta’ avukat u kien jgħallem ukoll il-liġi industrijali u fiskali fl-Università ta’ Malta.
Fit-2 ta’ Mejju 1982, Dott. Mifsud Bonnici ġie co-opted fil-Parlament u nħatar Ministru għax-Xogħol u s-Servizzi Soċjali. Is-sena ta’ wara ngħata l-kariga ta’ Deputat Prim Ministru Anzjan u Ministru tal-Edukazzjoni. Huwa ħa l-ġurament tal-ħatra bħala Prim Ministru fit-22 ta’ Diċembru 1984.
L-eks Prim Ministru Mifsud Bonnici miet nhar il-5 ta’ Novembru, 2022.
Comments